L-Uffiċċju taċ-Ċelebrazzjonijiet Liturġiċi tal-Papa ippubblikat il-kalendarji ta’ ċerimonji li se jkunu preseduti mill-Papa Benedittu XVI tul il-Ġimgħa Mqaddsa.
Il-Ħadd 17 t’April il-Papa jippresiedi ċ-ċelebrazzjoni ta’ Ħadd il-Palm li se taħbat mas-26 Jum Dinji taż-Żgħażagħ bit-tema – ‘Rooted and built up in Jesus Christ, Firm in the Faith’. Iċ-ċerimonja tibda fid-9.30am bit-tberik tal-Palm fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan. Issegwi purċissoni u quddiesa.
Nhar il-21 t’April, Ħamis ix-Xirka, il-Papa, fid-9.30am se jiċċelebra fil-Bażilika ta’ San Pietru, i-quddiesa li matulha jsir it-tberik taż-żjut. Fil-5.30pm fil-Bażilika ta’ San Ġwann Lateran, il-Papa se jippresiedi il-quddiesa li tfakkar l-Aħħar Ċena ta’ Sidna Ġesu Kristu mad-dixxipli tiegħu. Din tfakkar il-bidu tat-tridu tal-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien ta’ Kristu. Il-ġabra waqt din il-quddiesa se tmur għall-vittmi tat-teeremot u t-tsunami fil-Ġappun.
Nhar il-Ġimgħa l-Kbira fil-5pm fil-Bażilika ta’ San Pietru, il-Kap tal-Knisja Kattolika se jippresiedi ċ-ċelebrazzjoni tal-Passjoni ta’ Sidna Ġesu Kristu. Fid-9.15pm se jmexxi imbagħad il-Mixja tas-Salib fil-Kolossew.
Nhar Sibt il-Għid, il-Papa se jiċċelebra l-Vġili tal-Għid fid-9pm fil-Bażilika ta’ San Pietru.
F’Ħadd il-Għid imbagħad jippresiedi l-quddiesa fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan li tibda fl-10.15am. Imbagħad iwassal il-barka tiegħu lil Ruma u lid-dinja – Urbi et Orbi.