Is-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-Kardinal Tarcisio Bertone, riċentament iċċelebra l-ewkaristija fil-kappella ta’ Marija Omm il-familja fil-Palazz fil-Vatikan biex jinawgura l-84 sena ġudizzjarja tat-Tribunal tal-Istat tal-Vatikan.
Huwa fakkar fl-importanza tal-għerf divin fil-ħidma delikata u serja tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja.. Filwaqt li sellem lill-President tat-Tribunal, Giuseppe Dalla Torre, lill-imħallfin, lill-promuturi tal-ġustizzja u lil bosta ħaddiema oħra fl-uffiċċju amministrattiv, Bertone wassal il-barka tal-Papa fuqhom u qalilhom li jsegwi ħidmiethom b’interess u attenzjoni partikolari.
Meta kien qed jikkummenta dwar il-liturġija ta’ San Ġwann il-Battista, il-Kardinal Bertone enfasizza li l-eżempju tal-profeta u x-xiehda tiegħu huma minnhom infushom messaġġ lil dawk kollha li jemmnu biex jitfgħu fil-ġenb ix-xewqa li jidhru, fl-istess waqt li jagħtu lok ikbar għall-imħabba ta’ Ġesu li hu t-triq, is-sewwa u l-ħajja. Din l-attitudni qal li tirrikjedi umilta tal-qalb, li hi don mogħti lilna minn Alla u li hemm bżonn wieħed jitlobha iżjed.
Lil dawk kollha jipparteċipaw fl-inawgurazzjoni tas-sena ġudizzjarja, il-Kardinal Bertone awgura dedikazzjoni għal Alla u aċċettazzjoni tal-grazzja tiegħu li jwasslu għall-armonija, il-ġustizzja u l-paċi. Ilkoll qal li aħna mistiedna ninfetħu għat-traxxendenti. Mingħajr dan, qal li “l-bniedem faċilment jaqa’ għar-relattiviżmu, minbarra li jsibha diffiċli jaġixxi b’mod ġust u jikkommetti ruħu għall-paċi”.