“L-Ewropa qed tipprova tfittex l-identita tagħha. Biex toħloq għaqda ġdida u dejjiema, għodda legali, politiċi u ekonomiċi huma ferm importanti, imma tiġdid etiku u spiritwali għandu jsib postu fil-proċess li jkun ispirat mill-għeruq insara tal-Kontinent”.
Dan qalu l-Kardinal Tarcisio Bertone, Segretarju tal-Istat tal-Vatikan li kien f’Montecassino għaċ-ċelebrazzjoni ta’ San Benedittu. Skont il-Kardinal, “anki llum, it-tagħlim ta’ San Benedittu hu dawl għal triqitna”. Kompla li San Benedittu u n-nies tiegħu irnexxielhom ikunu bennejja u kustodji taċ-ċivilizzazzjoni, u bl-istess mod, fi żmienna llum, li qed jinbidel radikalment, teżisti urġenza għall-għarfien tal-ħtiġijiet ġodda fl-istess ħin li tinżamm konformita mal-valuri. L-ewwel u l-ikbar valur idur mal-Kelma t’Alla li ta’ kuljum wieħed għandu jisma għall-konverżjoni tiegħu u biex iweġeb għall-isfidi tad-dinja.
Il-Kardinal Bertone temm jgħid li jekk kulħadd, fl-istat tal-ħajja tiegħu, iservi ‘l Alla, allura tabilħaqq tinbena ċivilizzazzjoni ta’ mħabba.