Il-Papa Benedittu XVI qal li jispera li l-għemil tal-Kardinal John P. Foley, li miet riċentament, ikun għal kulħadd ispirazzjoni sabiex il-messaġġ tal-Vanġelu jixtered permezz tal-mezzi tal-media. F’messaġġ mibgħut lill-Arċisqof Cħaput ta’ Philadelphia, Benedittu XVI esprima sogħba għat-telfa tal-Kardinal Foley u wassal ukoll il-kondoljanzi tiegħu.
Il-Kulleġġ tal-Kardinali issa jiġbor 192 membru, 109 minnhom taħt l-eta ta’ 80 sena u għalhekk eleġibbli jivvutaw fl-eventwalita ta’ konklavi.
“Niftakar b’sens ta’ gratitudni s-snin ta’ ministeru saċerdotali li Mons Foley kien għamel fl-Arċidjoċesi ta’ Philadelphia, fejn is-servizzi tiegħu kienu jiddistingwu ruħhom meta kien jokkupa l-kariga ta’ President tal-Kunsill Pontifiċju għall-Komunikazzjoni Soċjali u riċentament anki bħala Gran Mastru tal-Ordni tas-Santu Speulkru f’Ġerusalemm. Il-Papa talab sabiex “l-impenn li dejjem wera l-Kardinal Foley biex ixerred il-messaġġ tal-Vanġelu fil-media, ikun ta’ ispirazzjoni għal oħrajn biex huma wkoll jimpenjaw ruħhom f’dan l-apostolat ferm essenzjali għall-proklamazzjoni tal-Vanġelu u anki fid-dawl tal-progress fil-qasam tal-Evanġelizzazzjoni l-ġdida”.
Il-President tal-Kunsill Pontifiċju attwali, il-Kardinal Claudio Celli, li ħa post il-Kardinal Foley, enfasizza l-potenzjal pożittiv tal-media fit-tixrid tal-informazzjoni u fl-ispirazzjoni għall-oħrajn. Qal li hi żgur meħtieġa għall-missjoni tal-Knisja llum, partikolarment għat-tixrid tal-Vanġelu fil-ġidma pastorali pro-attiva. Fi kliemu, “il-Kardinal Foley waħħad it-taħriġ ġurnalistiku li kellu, il-professjonalita fil-kamp, l-approċ umoristiku, l-għerf tiegħu u saħansitra l-passjoni lejn it-tixrid tal-Bxara t-Tajba ta’ Ġesu għal kulħadd”.