Ilbieraħ ngħata bidu għal kungress internazzjonali ta’ tliet ijiem dwar il-Knisja fl-Amerka. Dan sar b’ċelebrazzjoni ewkaristika fil-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan. Il-kungress qed jaħbat mal-15-il anniversarju tas-Sinodu tal-Isqfijiet fl-Amerka. Beatu Ġwanni Pawlu II ħareġ l-eżortazzjoni appostolika Ecclesia in America fl-1999.
Il-Prefett tal-Kongregazzjoni tal-Isqfijiet u President tal-Kunsill Pontifiċju għall-Amerika Latina, il-Kardinal marc Ouellet kien iċ-ċelebrant ewlieni għall-quddiesa tal-ftuħ tal-kungress internazzjonali ta’ din is-sena.
Fl-omelija, il-Kardinal Ouellet fakkar fl-appell tal-Beatu Ġwanni Pawlu II sabiex iseħħ is—Sinodu tal-Isqfijiet fl-Amerka. “Fi żmien meta waqgħu ħafna ħitan u barrieri ideoloġiċi, fuq l-għatba tat-tielet millenju nisrani, il-Knisja tħoss is-sens ta’ dover lejn għaqda spiritwali iktar profonda, kif ukoll spirtu iżjed solidali fost il-popli”.
Is-Sinodu tal-1999, kompla l-Kardinal, “immarka kisba ewlenija fir-rikonċiljazzjoni u l-kollaborazzjoni effettiva bejn id-djoċesijiet tal-Amerika ta’ Fuq u t’Isfel”.
Itemm li “l-Kelma t’Alla li tgħaqqadna hi Ġesu Kristu, ix-xewqa tal-pajjiżi kollha”.