Photo by Candy Flipping

L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Nixtieq nagħmel dan is-suġġeriment: li xi darba, meta tkunu qed issegwu l-aħbarijiet, jew taraw il-media soċjali, tinnutaw x’ikunu dawk l-aħbarijiet li normalment jagħmlu ħafna ħoss u li jitqiesu importanti.  U fl-istess waqt, iżżommu ħdejkom din is-silta li smajna llum fl-Evanġelju meta Ġesù tela’ fuq il-muntanja u beda jgħid lid-dixxipli min hu tassew hieni u mbierek – il-programm li jfassal għal min irid jimxi warajh.

Il-kuntrast

Agħmluha din u qabblu, u nnutaw il-kuntrast bejn dak li llum jingħata ħafna importanza u dan li jgħid Ġesù.

Nisimgħu ħafna fuq min hu għani, min għandu ħafna. Illum anke l-football, speċjalment fejn jidħlu l-players, miljuni ’l hawn u miljuni ’l hemm. Il-mentalità hi li iktar ma jkollok, aħjar, u li tkun sejjer tassew tajjeb meta jkollok u jkollok aktar. Imma hawn Ġesù jgħid: “ħenjin il-foqra fl-ispirtu” (Mt 5:3) .  Qed jgħid li henjin dawk li għandhom fiduċja f’Alla, mhux f’dak li jgħaddi, u li ma jorbtux qalbhom ma’ dak li jgħaddi.

Nisimgħu ħafna fuq il-gwerer, il-konflitti, il-ġlied f’diversi partijiet tad-dinja, imma wkoll iktar qrib tagħna. Imma Ġesù jgħid: “henjin dawk li jġibu l-paċi” (Mt 5:9).

Nisimgħu fuq min kapaċi fil-ħajja jqabbel fejn jaqbel, u jirranġa lil hawn u lil hemm biex jieħu mhux dak li għandu dritt għalih imma dak li mhux tiegħu, jekk hemm bżonn minn taħt. U jkun qisu kollox sew, miexi tajjeb. Imma Ġesù jgħid: “henjin dawk li huma fil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja” (Mt 5:6).

Nisimgħu fuq min hu arroganti, min anke jekk ikollu naqra poter jiltagħlu għal rasu u jittratta lill-oħrajn qishom ma jiswewx; u Ġesù jgħid: “henjin dawk ta’ qalbhom ħelwa” (Mt 5:5).

Innutaw il-kuntrast bejn dak li kultant jitqies bħala importanti, bħala li jgħinek biex tirnexxi fil-ħajja, u dak li jgħid Ġesù hawnhekk. Kultant ngħidu jew nisimgħu wkoll ċerti espressjonijiet bejnietna, li ma jaqblux ma’ dak li qed jgħid Ġesù hawn. Ħa nsemmi xi wħud minn dawn: Issa dan sew, taħdem għat-tajjeb u iktar taqla’ fuq wiċċek – mela aħseb għal rasek!  Mhemmx ħniena miegħi!  Iktar ma tkun ħelu, iktar jittrattawk ħażin, mela addio ħlewwa!  Illum min għadu jitkellem fuq is-safa! Mela ma naħfirlux! 

Il-valuri li jagħmluna henjin

Meta Ġesù qal dan il-kliem fuq il-Beatitudnijiet, ixxokkja lid-dixxipli u lil dawk in-nies li semgħuh.  Kien qiegħed jgħid xi ħaġa kontra l-kurrent.  Imma Ġesù ma niżżilx l-istandards u lanqas iniżżel l-istandards illum, għax qisu jara li ħafna ma jaqblux. Ġesù jfakkarna li dawn huma l-valuri tad-dixxipli tiegħu, u li dawn jagħmluna tassew ħenjin. Fil-ħajja hemm affarijiet li jġibulna soddisfazzjon, jagħtuna pjaċir, u tajjeb li jkollna dawn fil-ħajja tagħna, bħal waqt ix-xogħol tagħna; imma hemm affarijiet li huma iktar fil-fond, li jagħmluk tassew hieni fil-qalb. Għalhekk meta Ġesù qed jgħidilna dan fl-Evanġelju, qed jgħidilna fejn infittxu dak li f’ħajjitna jagħtina tassew l-hena, l-hena li tibqa’ u mhux tgħaddi.

Lilna Ġesù jagħmlilna sfida bis-serjetà biex dawn il-valuri tas-Saltna jidħlu fina: inkunu foqra fl-ispirtu, li tfisser fiduċja f’Alla u li ma norbtux qalbna ma’ dak li għandna; inkunu mnikkta li tfisser li nkunu kapaċi nibku ma’ min jibki u nbatu ma’ dawk li qed iġarrbu l-ħażen; inkunu ta’ qalb ħelwa, bħalma qalilna Ġesù biex nixbhu lilu u nkunu “ta’ qalb ħelwa u umli” (Mt 11:29); ikollna l-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja – ġuħ u l-għatx huma bżonnijiet fundamentali tal-ħajja – u għalhekk li nfittxu tassew li jkun hemm ġustizzja; inħennu, bħalma qalilna hu “ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom” (Lq:36); inkunu safja f’qalbna, jiġifieri ma nimxux bil-qerq b’mod li ningannaw lill-oħrajn imma nimxu bis-sinċerità; inkunu dawk li jġibu l-paċi, mhux mezz ta’ diviżjoni imma naħdmu għall-għaqda u l-paċi.

Meta ngħixu hekk, jgħidilna Ġesù, aħna nkunu tassew henjin. Anke jekk ngħaddu mit-tbatija għax nimxu sewwa – għalhekk Ġesu jgħid “henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa” (Mt 5:10)  – ikollna l-hena f’qalbna. 

Hena li tibda f’din il-ħajja

Innutaw li meta Ġesù qed jgħid “henjin” jekk nimxu hekk, mhux qed jgħid: għixu hekk u xi darba fil-futur għad tkunu henjin. Imma qed jgħid li issa nkunu henjin. Hija hena li nagħmlu l-esperjenza tagħha issa. Tibda minn hawn u tkompli fil-ħajja ta’ dejjem – bħalma jgħid hu “għax ħlaskom kbir fis-smewwiet” (Mt 5:12).

Il-Papa Franġisku, meta jitkellem fuq din is-silta tal-Beatitudnijiet, għandu espressjoni partikulari. Jgħid li huma “bħall-karta tal-identità tan-Nisrani” (Gaudete et exsultate, 63).  Din għandha tkun il-karta tal-identità tagħna, jiġifieri li meta ngħixu hekk, jagħrfuna tassew li aħna Nsara.

Nitolbu llum lill-Mulej biex aħna ngħożżu dejjem dawn il-valuri li jgħinuna nkunu dixxipli veri ta’ Ġesù; u li tassew nemmnu li meta ngħixu hekk, ikollna l-hena fil-qalb tagħna, hena li tibqa’, u nkunu nistgħu nwasslu din il-hena u l-barka lill-oħrajn.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju