Fl-okkażjoni ta’ Jum l-Awtiżmu, is-Segretarjat tal-Katekeżi fi ħdan l-Arċidjoċesi ta’ Malta bl-appoġġ tad-Dar tal-Providenza u l-Uffiċċju Kateketiku tal-Konferenza Episkopali Taljana organizza Seminar f’Malta għall-katekisti dwar l-inklużjoni tal-persuni bl-awtiżmu fil-laqgħat tal-katekiżmu u fil-quddiesa. Għal dan il-Seminar ġew mistiedna Sr Veronica Amata Donatello, Fiorenza Pestelli u Maria Grazia Fiore, illkoll attivi fil-qasam tal-persuni b’diżabilità.
Il-kelliema mistiedna pproponew xi metodoloġiji inklussivi li jistgħu jintużaw fil-parroċċi. Fl-interventi tagħhom huma ffukkaw fuq it-tema tad-diżabilità permezz ta’ ħidma formattiva teorika fl-aspetti ekkleżjali, spiritwali u xjentifiċi.
Fl-ewwel jum tal-Seminar, Sr Veronica Amata Donatello, responsabbli mill-Uffiċċju Kateketiku tal-Konferenza Episkopali Taljana u bint ta’ ġenituri nieqsa mis-smigħ kif ukoll oħt persuna b’diżabilità intellettwali, tat eżempji ta’ kif ħafna persuni b’diżabilità jħossuhom esklużi mill-parteċipazzjoni attiva fil-komunitajiet parrokkjali minħabba attitudnijiet negattivi u x’jista’ jsir biex dawn iħossuhom verament inklużi. Hija kkwotat għadd ta’ dokumenti tal-Knisja li jħeġġu l-komunitajiet ta’ fidi biex kemm jista’ jkun possibli jeżaminaw u jevalwaw is-sitwazzjoni u jinkludu lil persuni b’diżabilità biex jintgħeleb il-preġudizzju soċjali kontrihom. Is-Sinjura Fiorenza Pestelli, għalliema tar-reliġjon, tkellmet dwar id-dimensjoni spiritwali tal-persuna b’diżabilità li tistiednek tirrifletti fuq il-ħarsa ta’ Alla lejn il-bniedem li tħares il-bogħod mill-limiti. Fl-aħħar, is-Sinjura Maria Grazia Fiore, omm ta’ żewġt itfal bl-awtiżmu u esperta fil-komunikazzjoni, tkellmet dwar it-tipi ġodda ta’ komunikazzjoni u lingwaġġ li jistgħu jintużaw speċjalment ma’ dawk il-persuni bl-awtiżmu.
Fit-tieni jum, imbagħad, sar workshop bil-ħsieb li dawk li kienu qed jieħdu sehem jakkwistaw għarfien ta’ mod ġdid ta’ kif għandhom iwasslu l-fidi u l-Kelma ta’ Alla lill-persuni b’diżabiltà intelletwali. Is-Sinjura Maria Grazia Fiore tat eżempji konkreti ta’ kif jistgħu jingħelbu id-diffikultajiet ta’ komunikazzjoni tipika fil-qasam tal-awtiżmu. Spjegat ukoll kif tista’ tikkomunika permezz ta’ viżwali u lingwaġġi ġodda bħalma hija l-Komunikazzjoni Alternattiva u Awmentattiva.
Matul is-seminar, il-katekisti li ħadu sehem urew interess kbir u parteċipazzjoni ħajja tant li fit-tmiem tal-jumejn ta’ djalogu ħarġet il-ħtieġa ta’ aktar studju fil-fond tat-temi mqanqla u ta’ aktar formazzjoni b’laqgħat oħra ta’ dixxerniment u diskussjoni.