Uffiċjali tal-pulizija fl-iStat tal-Vatikan ċaħdu akkużi li fil-ħin tal-arrest ta’ Paolo Gabriele, immaltrattawh.
“Qatt ħadd ma mmaltratta lil Gabriele, anzi kemm-il darba wera apprezzament għall-mod kif trattatu l-pulizija”, qal Luca Cintia, uffiċjal li kien responsabbli mid-detenzjoni tal-ex maġġordom tal-Papa Benedittu XVI.
L-Erbgħa, fit-tielet jum tal-ġuri ta’ Gabriele, akkużat li seraq u għadda fil-media dokumenti kunfidenzjali tal-Papa, intqal waqt ix-xiehda li waqt it-tiftix fl-appartament tiegħu nhar it-23 ta’ Mejju li għadda, instabu dokumenti li uħud minnhom kienu jġibu l-firma tal-Papa nnifsu, u oħrajn kienu mmarkati biex jinqerdu. Intqal li b’kollox instabu mal-elf dokument ta’ interess, uħud kopji, oħrajn oriġinali. Intqal li xi dokumenti kienu dwar soċjetajiet sigrieti, loġoġ tal-mażunerija, skandli pasati tal-Knisja u dokumenti dwar reliġjonijiet tal-Lvant.
Il-ġuri jissokta nhar is-Sibt, bil-prosekuzzjoni u d-difiża jagħtu l-aħħar interventi tagħhom qabel mal-panel ta’ tliet imħallfin, possibilment jagħti s-sentenza tiegħu fil-każ.