L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Għal darbtejn f’din is-silta qasira fl-Evanġelju llum, Ġesù jirrepeti l-istess ħaġa. Jgħid: “Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi” (Ġw 14:15); u ftit wara: “Min iżomm il-kmandamenti tiegħi u jħarishom, dak hu li jħobbni” (Ġw 14:21).
Għaliex Ġesù jenfasizza daqshekk l-imħabba lejh u kif għandha tintwera din l-imħabba lejh? L-ewwel nett, dan hu kliem li qed jgħid fl-Aħħar Ċena, ftit qabel il-passjoni u l-mewt tiegħu, fl-aħħar mumenti ta’ ħajtu. U meta ħares lura lejn ħajtu, Ġesù seta’ jara diversi esperjenzi ta’ kif din l-imħabba ta’ Alla kienet mistqarra min-nies imma mhux mgħixa, u għalhekk il-bżonn li hu jenfasizza li l-imħabba lejn Alla tidher fil-ħarsien tal-kmandamenti.
Imħabba mistqarra imma mhux mgħixa
Ġesù kien jikkritika ħafna lill-mexxejja reliġjużi ta’ dak iż-żmien li wħud minnhom minn barra kienu jgħidu li jħobbu lil Alla imma minn ġewwa qalbhom kienet ’il bogħod minnu – jagħmlu għal wiċċ in-nies, biex jidhru. Għalhekk Ġesù kien qal: “Mhux min jgħidli Mulej, Mulej, jidħol fis-saltna tas-smewwiet, imma min jagħmel ir-rieda ta’ Missieru li hu fis-smewwiet” (Mt 7:21).
U anke fost in-nies li marru warajh, ra diversi drabi nies li ġrew warajh f’xi mument jew ieħor mhux għax riedu jsegwu dak li kien qed jgħallem, jew għax kienu lesti li jħarsu l-kelma tiegħu, imma għax raw xi mirakli, jew għax kien hemm xi ħaġa li qed tattirahom. Kultant ġrew warajh ukoll għal dak li seta’ jipprovdilhom, bħall-ħobż.
L-esperjenza ta’ Ġesù kienet ta’ diversi nies li ma kellhomx din l-imħabba li qed isemmi hu hawn.
Messaġġ lilna llum
Hu għalhekk li Ġesù jgħid b’enfasi lid-dixxipli tiegħu: “Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi”. Dak li qal lid-dixxipli fi żmienu jgħidu lilna wkoll illum. Hu messaġġ importanti ħafna għalina llum. Il-kejl tal-imħabba tagħna lejh hu kemm aħna lesti li nħarsu l-kmandamenti tiegħu. Hemm veru nuru li nħobbuh.
Ġesù llum ma jgħidilniex “jekk tħobbuni, ċapċpuli”, jew “jekk tħobbuni, agħmluli festa”, jew “jekk tħobbuni, ġorru l-istatwa tiegħi”. Dawn huma affarijiet sbieħ u għandhom valur, imma l-ewwel li jinsisti fuqu Ġesù hu l-ħarsien tal-kmandamenti tiegħu, imbagħad l-espressjonijiet l-oħra reliġjużi jkunu f’posthom u f’waqthom jekk ġejjin minn ħajja fejn tassew qed nagħtu każ il-kmandamenti tiegħu. Inkella jkun hemm kontradizzjoni.
Il-kmandamenti mhumiex biex tagħżel minnhom
X’qed jgħid Ġesù meta jħeġġiġna nħarsu l-kmandamenti tiegħu? Qed jgħid li jekk veru nħobbuh, insegwu dak li tgħidilna l-kelma ta’ Alla. U nagħmlu ħilitna – bil-limitazzjonijiet, id-difetti u n-nuqqasijiet kollha tagħna, imma nagħmlu ħilitna – biex nimxu mal-kmandamenti tiegħu. Dawn il-kmandamenti mhumiex bħal menu li minnu nagħżlu x’jogħġobna jew le. Ġesù ma jgħidx: jekk tħobbuni, agħżlu liema kmandamenti tridu tħarsu.
Għalhekk, biex inġib eżempju, “la toqtolx” hu kmandament ta’ Alla. Mela aħna rridu nirrispettaw il-ħajja f’kull waqt tagħha, mill-bidu nett, mit-tnissil, sat-tmiem naturali tagħha; mhux nagħżlu aħna meta nibdew nirrispettaw il-ħajja. Hemm kmandament “la tisraqx”. Dan ifisser li ma għandniex nieħdu dak li mhux tagħna, anke fejn ma jidhirx, anke minn taħt, anke jekk ma jagħtix fil-għajn.
Nistgħu naraw il-kmandamenti kollha ta’ Alla, u nintebhu li hu hemmhekk li nuru kemm inħobbu tassew lil Alla – meta nħarsuhom, mhux meta minnhom nagħżlu dak li jogħġobna u nwarrbu dak li ma jdoqqilniex.
Aħna nafu li meta Ġesù ġabar il-kmandamenti, qalilna li jinġabru kollha fil-kmandament tal-imħabba – l-imħabba lejn Alla u lejn l-oħrajn. Fuq dan jinsisti ħafna. F’qalbna trid tkun l-imħabba li tmexxina, u din nuruha b’mod konkret fil-ħajja tagħna. Ġesù wkoll ifissrilna x’inhi l-imħabba meta jurina li l-imħabba tfisser l-għotja tagħna nfusna.
Gżira ta’ mħabba
Tifhmu kemm hu importanti dal-kliem ta’ Ġesù, għax huwa hu li jagħtina t-tifsira vera tal-kelma mħabba. Fi żmienna tant nisimgħu bi mħabba, li jista’ jkun issir tfisser ħafna affarijiet. Bħalissa l-aħħar moda f’Malta, ikkupjata minn postijiet oħra – għax aħna nikkuppjaw it-tajjeb u l-ħażin, u jasal fostna dak li nkunu diġà nafu bih minn postijiet oħra – hi dik li qed tissejjaħ “gżira ta’ mħabba”, fejn grupp ta’ nies jingħalqu f’post u jgħixu għal żmien flimkien u suppost jibnu relazzjoni ta’ mħabba. Imma kollox hu intenzjonat biex ikun trasmess, kollox għal wiċċ in-nies, biex jattirawhom u jimpressjonawhom, ħalli jistgħu jsegwuhom u jikkummentaw fuqhom. Kollox għall-udjenza. Proprju dak kollu li ma jibnix imħabba vera. Il-ħajja turina li relazzjoni ta’ mħabba ma tibnihiex billi tagħmel show, ma tibnihiex b’mod li tipprova timpressjona lil ħaddieħor. Hekk ma tinbeniex imħabba vera, u hija ħasra li nagħtu din l-impressjoni żbaljata lil tant persuni.
L-imħabba fil-kwiet, bla storbju
L-imħabba li jitkellem fuqha Ġesù tfisser għotja, sagrifiċċju. Dan bħalma juruna tant ommijiet, li llum infakkruhom b’għożża f’Jum l-Omm – ħajja ta’ mħabba ħafna drabi fil-kwiet, fis-skiet, bla storbju, u bla ma hi trasmessa pubblikament lil ħadd.
Ġesù jfakkarna li l-imħabba lejh nuruha meta nieqfu ma’ min hu fil-bżonn. Jgħidilna: “Kulma għamiltu mal-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40). Meta ngħinu lil min hu fil-bżonn jew qed ibati, meta nagħtu kelma ta’ appoġġ u ġest ta’ solidarjetà, u dan fl-affarijiet iż-żgħar fil-ħajja ordinarja ta’ kuljum, inkunu qed inħobbu lil Alla fil-fatt. Hu verament sabiħ meta l-imħabba tagħna tkun espressa b’dan l-ispirtu.
Nitolbu lill-Mulej biex ikompli jdawwalna bil-kelma tiegħu u jgħinna nieħdu b’serjetà kbira fil-ħajja tagħna din il-kelma: li nuru kemm inħobbuh tassew billi nżommu u nħarsu l-kmandamenti tiegħu.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju