L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Din is-silta mill-Evanġelju ta’ San Ġwann, li tfakkarna f’parti mid-diskors ta’ Ġesù fl-Aħħar Ċena, tkompli wkoll fuq dak li smajna lbieraħ fil-Quddiesa tal-Ħadd, meta Ġesù jitkellem fuq il-fatt li se jibgħatilna ‘Konsulatur’ – ‘id-Difensur’. “Meta jiġi d-Difensur, li se nibgħatilkom mingħand il-Missier, l-Ispirtu tal-verità, li ġej mill-Missier, huwa jixhed għalija” (Ġw 15:26). Il-kelma bil-Grieg, xhieda, li tixhed, li tkun xhud, hija ‘Marturia’; minn fejn aħna ssellifna l-kelma ‘Martri’. Il-martri tagħna aħna nqimuhom għaliex huma xhieda.

Nhar l-Erbgħa li għaddew, il-Papa laqa’ għandu lill-Papa tal-Insara Kopti, tal-Insara Eġizzjani. Il-kelma ‘Kopti’ ġejja mill-kelma ‘Aígyptos’, mill-kelma Griega għall-Eġittu. Dakinhar, il-Papa Franġisku ħabbar li se jpoġġi fil-lista tal-Qaddisin Kattoliċi, li aħna nqimu, li aħna ngħidulha l-‘Martyrologia’, il-lista tal-Martri, il-lista tax-xhieda, lil 21 raġel li nqatlu mill-Isis fuq ix-xatt tal-Baħar Mediterran, ġewwa l-Libja, fil-15 ta’ Frar tal-2015, fi żmienna. Dawn kienu ħaddiema, indunaw li kienu Nsara, u tawhom għażla: jew isiru Musulmani jew joqtluhom. Dawn ma ridux jiċħdu l-fidi tagħhom Nisranija; u ħaduhom fix-xatt tal-Baħar Mediterran u qatgħulhom rashom. Wieħed minnhom, li kien mill-Ghana, ma kienx Nisrani Kopti, imma ssieħeb magħhom. Tawh għażla, u qalulu: ‘inti m’intix Nisrani’. Ir-risposta tiegħu kienet: ‘Alla tagħhom, Hu Alla tiegħi’ – ‘Their God, is my God’. U qatluh magħhom. Fil-fatt, jekk tfittxu fil-Google, ‘the 21 Coptic martyrs of Lybia’, għax hekk huma magħrufin issa, issibu r-ritratti tagħhom, u wieħed minnhom huwa proprju mill-Ghana.

Dawn huma eżempju ċar tal-Kelma ta’ Ġesù li sseħħ anke fi żmienna. Dawn ma għamlu xejn ħażin: la għajru lil ħadd, la serqu, la qatlu. Qatluhom sempliċiment għax kienu Nsara, u ma ridux jabbandunaw lil Ġesù, li qatt ma abbandunahom. Kienu żgħażagħ, ħaddiema; u ħafna minnhom kienu ġejjin mill-istess villaġġ fl-Eġittu. Ftit snin wara li l-Libja nħelset mill-ISIS, sabu l-fdalijiet tagħhom u ħaduhom lura l-Eġittu. Infatti, il-Papa tal-Kopti, Tawadros II, ta lill-Papa Franġisku relikwa tagħhom. 

Għaliex qed insemmi lil dawn il-martri ġodda? Għaliex proprju saru martri Kattoliċi wkoll għalina; mhux għax huma Kattoliċi, għaliex huma kienu Nsara-Kopti Ortodossi, imma issa l-Papa daħħalhom fil-lista tal-qaddisin li aħna nqimu. Għaliex hemm sitwazzjonijiet, fejn tagħmel x’tagħmel, trid tħallas tal-fatt li għażilt lil Ġesù. Tagħmel x’tagħmel; anke jekk tipprova kemm jista’ jkun tevita li jkollok għedewwa, għax l-għedewwa wġigħ ta’ ras hu! Mhux dejjem jirnexxilek. Din tiġri fil-familja, tiġri fuq ix-xogħol, tiġri fis-soċjetà. Aħna rridu nkunu ppreparati biex inkunu xhieda. M’hemmx għalfejn il-Mulej isejħilna għat-tixrid tad-demm. Dawn il-21 raġel, il-Mulej sejħilhom għal din l-għażla u tahom il-qawwa. Jiena timpressjonani ħafna għax dawn, biex jagħmlu l-propoganda, ħadu l-vidjo. Aħna ma jirnexxilniex naraw il-vidjo kollu tal-qtil tagħhom; imma huma u jippreparawhom għall-qtil, il-ħaġa li timpressjonani hija l-kalma li kellhom fuqhom dawn l-irġiel. Imma din is-saħħa, minn fejn ġabuha? Min tahom din il-kalma, huma u jafu li sejrin imutu? Għarkupptejhom, lebsin boilersuit qisha oranġo, għax hekk tagħrafhom: grupp ta’ rġiel għarkupptejhom u l-assassini tagħhom libsin l-iswed, bis-sikkina ma’ għonqhom. 

Aħna li nqimu l-martri antiki – San Ġorġ, San Sebastjan, tant martri antiki – naħsbu li dik xi ħaġa tal-passat. Aħna qegħdin nitkellmu fuq xi ħaġa li ġrat f’ħajjitna, fl-2015. Ejjew nitolbu l-grazzja biex aħna ma niċħdu qatt lil Ġesù. Fiċ-ċirkustanzi ta’ ħajjitna, żgħar u kbar, inkunu xhieda tiegħu. Tgħidli: ‘Jien ma nixtieq niġġieled ma’ ħadd’. Ma hemmx għalfejn tagħti bil-ponn, la tgħajjar; mhux dak l-istil tagħna. Imma tieqaf għall-prinċipji tiegħek, fejn jista’ jkun. Tippretendix li ħaddieħor jagħmel dak li inti m’intix lesta tagħmel. Meta fil-familja jkun hemm xi ħadd li jinkwetakom, tgħiduli: ‘imma t-tfal tagħna ma jridu jafu b’xejn; in-neputijiet ukoll’. ‘They don’t do God, they don’t do Church wisq anqas’. Stennew. Il-Mulej għandu paċenzja; nitgħallmu minnu. Meta jħarsu lejna, x’eżempju jieħdu? Għax il-kelma tqanqal, imma l-eżempju jkaxkar. 

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-Quddiesa

Qari I: Atti 16:11-15
Salm: 149:1-2,3-4,5-6a u 9b
L-Evanġelju: Ġw 15:26 – 16:4a

Aktar ritratti