L-Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi
Poplu għaref u għaqli huwa dak li jimxi skont il-Kelma ta’ Alla u l-kmandamenti tiegħu. Dan hu l-messaġġ li joħroġ b’mod ċar mill-Ktieb tad-Dewteronomju fl-ewwel qari, fejn hemm din l-enfasi fuq li wieħed ikun għaref u għaqli biex jimxi skont il-kmandamenti ta’ Alla.
Il-kmandamenti Alla tahom lill-bniedem biex jgħinu jgħix ta’ nies: biex jgħix hu tajjeb, ta’ madwaru u s-soċjetà kollha. Din kienet l-esperjenza tal-poplu Lhudi. Għalhekk fl-ewwel qari Mosè jgħid lin-nies: Agħti widen għal-liġijiet ta’ Alla, iftaħ għajnejk, oqgħod attent, kompli għallimhom lil uliedek u wlied uliedek, u qatt ma twarrabhom minn qalbek il-jiem kollha ta’ ħajtek.
Ġesù fl-Evanġelju jagħmilha ċara li hu ma ġiex biex iwaqqa’ l-liġi jew il-profeti imma biex iwassalhom għall-milja tagħhom. X’jiġifieri din il-Kelma ta’ Ġesù?
L-ewwel nett tfisser li Ġesù jgħinna lkoll nifhmu li l-kmandamenti ta’ Alla jinġabru fl-imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu. Hekk ġabarhom Ġesù biex ifakkarna li aħna għandna nħarsu lejn il-kmandamenti mhux bħala piż jew bħala xi ħaġa li tgħakkisna f’ħajjitna u ma tħalliniex ħielsa, imma bħala għajnuna biex ngħixu tassew ħielsa; u biex inkunu nistgħu nħobbu – jiġifieri espressjoni tal-imħabba lejn Alla u lejn l-oħrajn.
Ġesù jurina wkoll kif il-kmandamenti ma ngħixuhomx billi nħarsu biss lejn il-kelma tagħhom imma lejn l-ispirtu tagħhom. B’dan il-mod nifhmu aktar dak li Alla jrid minna llum. Ħa nsemmi eżempju. Il-ħames kmandament hu ‘la toqtolx’. Ma jfissirx biss li int m’għandekx ittemm il-ħajja ta’ ħaddieħor – dik żgur! Ifisser li int għandek tirrispetta u tgħożż il-ħajja tiegħek u ta’ ħaddieħor mill-ewwel mumenti tagħha sal-aħħar mumenti, u f’kull waqt tagħha. Li aħna bħala Nsara għandna nħarsu, ngħożżu u nipproteġu l-ħajja.
Għalhekk anke dawn il-miżuri ta’ bħalissa, li jitolbu minna kultant sagrifiċċju, huma mezz kif ngħixu bħala ċittadini responsabbli, imma għalina l-Insara huma wkoll mezz kif ngħixu tassew dak li nemmnu; kif il-kmandament li tana Alla biex il-ħajja tkun għażiża għalina u għall-oħrajn, inqiegħduh fil-prattika. Kull darba li aħna nieħdu miżuri u ngħixuhom tassew biex inħarsu u nipproteġu l-ħajja tagħna, ta’ dawk madwarna u tas-soċjetà, inkunu qed ngħixu tassew dak li jrid Alla bil-kmandament tiegħu.
Nitolbu lill-Mulej din il-grazzja: li aħna dejjem ngħożżu l-kmandamenti tiegħu f’ħajjitna, li jkunu huma li jmexxuna, jagħtuna d-direzzjoni u jgħinu lis-soċjetà kollha biex ngħixu b’rispett lejn il-ħajja u d-dinjità ta’ kull bniedem. Il-kmandamenti ta’ Alla qegħdin biex aħna ngħixu tassew ta’ nies.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju