• Il‑Knisja f’Malta qed torganizza l-Ġublew tal‑Familja, ġurnata ta’ attivitajiet u ċelebrazzjoni għall‑familja, bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tas‑Sena tal‑Ħniena li nieda l‑Papa Franġisku. Din l‑attività ser issir nhar il‑Ħadd, 30 ta’ Ottubru 2016, fis‑Seminarju tal‑Arċisqof, tal‑Virtù.

    Il-programm ta’ ġurnata jinkludi attivitajiet sportivi għall-familja, animazzjoni għat-tfal, workshops, mużika, u spazji għat-talb. Matul il-ġurnata ser jiġi offrut ukoll servizz ta’ counselling minn numru ta’ professjonisti, servizz ta’ qrar, u ħin ta’ adorazzjoni fil-kappella.

    L-attivitajiet jibdew fid-9:00 a.m. b’quddiesa ċċelebrata minn Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna, li ser tixxandar fuq TVM2. Dakinhar, l-Arċisqof ser jippreżenta l-verżjoni bil-Malti tal-Eżortazzjoni Appostolika tal-Papa Franġisku ‘Amoris Laetitia’ (Il-Ferħ tal-Imħabba).

    Il-familji qed jiġu mistiedna għal din l-attività biex flimkien jiċċelebraw il-familja li hija benniena ta’ ħniena u l-bażi ta’ soċjetà b’saħħitha. 

     

    Programm ta’ Attivitajiet

     

    Ċelebrazzjonijiet Liturġiċi/ Preżentazzjoni

    • Fid-9:00 a.m. -Quddiesa ċċelebrata mill-Arċisqof Charles J. Scicluna. Tixxandar fuq TVM2
    • Fis-6.00 p.m. – Quddiesa ta’ tmiem il-Ġublew tal-Familja
    • Matul il-jum, il-Kappella tas-Seminarju ser ikun hemm ukoll Adorazzjoni Ewkaristika, Ħinijiet ta’ skiet, kif ukoll servizz ta’ Qrar
    • 09:45 a.m. – Monsinjur Arċisqof Charles J Scicluna jinawgura il-Ġublew tal-Familja u jippreżenta l-verżjoni Maltija tal-Amoris Laetitia tal-Papa Franġisku
     
    Iktar Attivitajiet

    • Attivitajiet sportivi għall-familja kollha
    • Animazzjoni għat-tfal u Childminding
    • Servizz ta’ Counselling minn professjonisti
    • Prayer Spaces
    • Talb mal-Familja
    • Mużika u kant
    • Postijiet mnejn jista’ jinxtara ikel u xorb
  • L-Attivitajiet huma organizzati mill-Forum Tal-Għaqdiet u Movimenti, il-Moviment ta’ Kana, il-Kummissjoni Sports, il-Kummissjoni Tfal, il-Kummissjoni Żgħażagħ u s-Segretarjat għall-Lajċi.