Rappreżentanti tal-Vatikan u l-Knisja lokali f’San Salvador laqgħu l-apoloġija li saret mill-President ta’ El Salvador f’isem il-pajjiż u t-tmexxija tiegħu. Il-President Mauricio Funes offra apoloġija f’isem il-Gvern għall-krimini kommessi tul il-gwerra ċivili twila tal-pajjiż. Minkejja li l-ġlied waqaf fl-1992, għad hemm ħtieġa ta’ rikonċiljazzjoni fost is-Salvadorjani. Hu stmat li l-gwerra ċivili ta’ 12-il sena sħaħ ħadet il-ħajja ta’ madwar 75,000 persuna.
Funes irrikonoxxa li forzi militari, semi-uffiċjali u tal-gvern wettqu għadd ta’ vjolazzjonijiet tad-drittijiet umani u abbuż ta’ poter tul din il-gwerra, u talab għall-maħfra.
Intant, in-Nunzju Appostoliku f’El-Salvador, l-Arċisqof Luigi Pezzuto, iddeskriva l-apoloġija bħala pass mill-iktar sinifikanti. “Fuq kollox, f’dak li jirrigwarda r-rikonċiljazzjoni, ir-ri-unifikazzjoni tal-poplu Salvadorjan, minħabba li l-gwerra ntemmet – irid jingħad li l-vjolenza attwali mhix relatata mal-gwerra, hemm raġunijiet oħra għaliha”.
Ir-rappreżentant tal-Vatikan f’konferenza tal-aħbarijiet irrimarka fil-preżenza tal-Arċisqof Jose Luis Escobar Alas ta’ San Salvador, li l-pajjiż issa, wara 18-il sena, qed joħroġ fid-deher “ir-rikonċiljazzjoni”. Kompla li “s-skiet mhuwiex biss risposta. Radd ħajr ‘l Alla li das-skiet inżamm u ħadem. Ir-rikostruzzjoni tal-pajjiż f’inqas minn 18-il sena kien miraklu. Għaldaqstant, kien jinħass in-nuqqas ta’ spirtu ta’ rikonċiljazzjoni”.
L-Arċisqof Pezzuto appella lil sabiex kulħadd jimxi fuq l-inizjattiva tal-President biex “min b’xi mod iħoss li kien involut u għad irid jitlob apoloġija, jagħmel dan sabiex tirrenja r-rikonċiljazzjoni fost il-poplu Salvadorjan”. L-Arċisqof Escobar tenna l-istess sentimenti… “Nemmnu fl-eżempju tajjeb, pass li jsaħħaħ l-appell għar-rikonċiljazzjoni fil-pajjiż. Jalla jkollna l-opportunita nilħqu ftehim nazzjonali ġdid li jkun pedamentat fuq il-paċi soċjali, li hu possibbli”. Temm jgħid li huma meħtieġa sforzi sabiex “jispiċċaw darba għal dejjem id-delinkwenza, il-faqar u l-qgħad”.