Il-Knisja f’Malta hija mpenjata li ssaħħaħ u tagħti vitalita ġdida lil Media Education għaliex temmen li, aktar minn qatt qabel, dan huwa suġġett indispensabbli għall-edukazzjoni holistika tat-tfal u ż-żgħażagħ tagħna. Għal dan il-għan, is-Segretarjat għall-Mezzi tal-Komunikazzjoni Soċjali u s-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija organizzaw seminar għall-għalliema kollha tal-PSD u l-Media Education fl-iskejjel tal-Knisja. Dan is-seminar sar il-Ġimgħa 27 ta’ April 2012, f’ Dar Ħanin Sammaritan, St.Venera. Kienu preżenti għal dan is-seminar l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. li wassal il-messaġġ tiegħu, u wkoll id-Delegat tal-Arċisqof għall-Mezzi ta’ Komunikazzjoni Soċjali, Fr Charles Tabone O.P., li ntroduċa s-seminar. Il-kelliema ewlenin kienu Fr Joe Borg u Profs Maryanne Lauri, żewġ pijunieri tas-suġġett u esperti b’esperjenza twila fil-qasam.
Fil-messaġġ tiegħu fil-konkluzjoni tas-seminar, l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. qal li hu ta’ sodisfazzjon kbir għalih li l-moviment ta’ Media Education f’Malta ħareġ mill-Knisja. L-Arċisqof fisser kif il-Knisja ndunat minn kmieni li l-media hija lingwa li biha se jitkellmu t-tfal u ż-żgħażagħ tagħna għada pitgħada, u allura ħasbet li mhux biss fl-iskejjel tagħha tgħallem dan is-suġġett imma li trawwem fl-istudenti li jattendu dawn l-iskejjel sens ta’ evalwazzjoni kritika tal-messaġġi li joħorġu mill-media. Monsinjur Arċisqof qal li l-Knisja hija kommessa li tibqa’ tipprovdi fl-iskejjel tagħha l-Media Education. Fisser kif b’dan mhux biss nifhmu kif inħaddmu l-media imma kif il-media jista’ jkollha nfluwenza fuqna, u allura kif inkunu kapaċi nużawha għall-ġid tal-bniedem. L-Arċisqof Cremona awgura li tiżdied l-importanza ta’ dan is-suġġett fl-iskejjel kollha sabiex il-ġid li jidher fl-istudenti, jgawdu minnu t-tfal u ż-żgħażagħ kollha tas-soċjetà Maltija.
Il-Media Education tfisser evalwazzjoni kritika tal-media bbażata fuq sett ta’ valuri li jagħmlu ġid lill-persuna sħiħa. Sa mill-1981 il-Knisja ntroduċiet dan bħala suġġett f’erba’ mill-iskejjel tagħha u fi ftit żmien dan is-suġġett daħal fl-iskejjel kollha tal-Knisja. F’dinja mimlija mezzi tal-komunikazzjoni li jolqtu realta’ virtwali tant influwenti, l-istudenti jitgħallmu jaħsbu b’mod kritku, jakkwistaw litteriżmu diġitali u kapaċita li jevalwaw il-messaġġi li kontinwament jirċievu.
Agħfas fuq ir-ritratti biex tkabbar. Ir-ritratti tal-attivitajiet tal-Arċisqof jistgħu jinxtraw mill-ħanut PHOTOCITY, il-Belt. Tel: 21236723. Email: [email protected]