• “Il‑Knisja hi kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni u għal din ir‑raġuni tappoġġja d‑Direttivi tal‑UE li jippromwovu l‑ugwaljanza u li jipprojbixxu diskriminazzjoni, li l‑Gvern qed iressaqhom flimkien fl‑Att dwar l‑Ugwaljanza.” L‑Arċisqof Charles J. Scicluna għamel dan il‑kumment waqt laqgħa mal‑Ministru Helena Dalli meta ppreżentalha kopja tal‑Position Paper ippreparata għall‑Knisja dwar l‑Att dwar l‑Ugwaljanza.

    L‑Arċisqof Scicluna laqa’ l‑għan ewlieni tal‑Gvern li jiddefendi d‑dinjità ta’ kull persuna kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni. Żied li “madankollu, il‑Liġi li qed tiġi ppreżentata tmur lil hinn mid‑Direttivi tal‑UE u, jekk tiddaħħal kif inhi, tirfes fuq il‑libertajiet reliġjużi tal‑Knisja, l‑organizzazzjonijiet reliġjużi u Kattoliċi prattikanti.” Hu qal li għandhom jiddaħħlu emendi fl‑Abbozz ta’ Liġi biex jigu mħarsa u rispettati d‑drittijiet għall‑espressjoni reliġjuża u l‑libertà li jsiru attivitajiet skont il‑twemmin reliġjuż.

    Il‑Ministru Dalli nfurmat lill‑Arċisqof li se tindirizza dawn l‑aspetti qabel l-Abbozz ta’ Liġi jitressaq fil‑Parlament.

    Il‑Position Paper ippreżentata lill‑Ministru ġiet ippreparata minn grupp ta’ esperti fl-oqsma tal‑liġi, id‑drittijiet tal‑bniedem, it‑teoloġija, l‑etika u l‑edukazzjoni. It‑tfassil tagħha ġie kkordinat mill‑Fakultà tat‑Teoloġija fl‑Università ta’ Malta. Il‑Position Paper tiffoka fuq dawk il‑proviżjonijiet tal‑Liġi, b’mod partikolari x‑xogħol, l‑edukazzjoni u r‑reklamar, li jikkompromettu l‑missjoni tal‑Knisja u tal‑istituzzjonijiet reliġjużi fit‑tħaris tal‑etos partikolari tagħhom.

    Fil‑Position Paper l‑esperti jqisu li, bħal‑libertà tal‑espressjoni, id‑dritt għal‑libertà tal‑ħsieb, tal‑kuxjenza u tar‑reliġjon jikkostitwixxi wieħed mill‑pedamenti ta’ soċjetà pluralistika.

    L‑esperti jqisu li d‑definizzjoni vaga u wiesgħa ta’ ‘fastidju’ u ‘vittma’, kif stabiliti fil‑Liġi, u l‑applikazzjoni tagħhom f’oqsma ’l hemm mill‑qasam tax‑xogħol, iġġorr riskju ċar ta’ interpretazzjoni suġġettiva li jista’ jkollha impatt negattiv fuq id‑dritt tal‑ħsieb, tal‑kuxjenza u tar‑reliġjon. Isemmu l‑eżempju ta’ avviż, billboard jew materjal ieħor informattiv li jippromwovi ż‑żwieġ bejn raġel u mara, li jista’ jiġi pprojbit għaliex jista’ jitqies b’mod suġġettiv bħala ta’ ħsara lil xi gruppi. Persuni jistgħu jħossu li għandhom iżommu lura milli jagħmlu dikjarazzjonijiet (inkluż milli jispjegaw b’mod sinċier konvinzjonijiet reliġjużi dottrinali) minħabba biża’ li persuna tista’ tqis elementi definiti b’mod vag bħala ‘vjolazzjoni tad‑dinjità tagħhom’ jew il‑‘ħolqien ta’ ambjent offensiv’ (dak li bl‑Ingliż jissejjaħ chilling effect, jew effett li jiskoraġixxi lil ħaddieħor). L‑esperti jqisu li din is‑sitwazzjoni ssir iktar ikkumplikata bil‑bidla bil‑maqlub għall‑oneru tal‑provi (burden of proof), kif qed tipproponi l‑Liġi. Kull persuna akkużata b’‘diskriminazzjoni’ trid tipprova l‑innoċenza tagħha, filwaqt li l‑persuna li tallega li hi vittma tiġi eżonerata mill‑ħtieġa li tressaq provi objettivi. Din il‑Liġi mhix konformi ma’ drittijiet proċedurali standard.

    Il‑Position Paper tal‑Knisja titfa’ l‑attenzjoni wkoll fuq il‑fatt li l‑Liġi hi kompletament siekta fuq l‑objezzjoni skont il‑kuxjenza (conscientious objection). Kull liġi dwar in‑nuqqas ta’ diskriminazzjoni għandha tagħti attenzjoni meħtieġa lill‑aspett tat‑tħaddim tad‑dritt ta’ objezzjoni skont il‑kuxjenza. Dan id‑dritt hu assoċjat b’mod komuni ma’ forma ta’ eżenzjoni, li tkun permessa mil‑liġi, mit‑twettieq ta’ obbligi jew projbizzjonijiet li wieħed jista’ ma jaqbilx magħhom fuq bażi reliġjuża, etika, umanitarja jew alleata.

    Iktar minn hekk, l‑awturi tal‑Position Paper jidentifikaw differenza sinjifikanti bejn id‑Direttiva tal‑UE u l‑Abbozz ta’ Liġi li qed iressaq il‑Gvern. Filwaqt li tipprovdi għal qafas ġenerali għat‑trattament ugwali fl‑oqsma tax‑xogħol, id‑Direttiva tinkludi proviżjoni speċifika dwar il‑Knejjes u organizzazzjonijiet oħra pubbliċi jew privati li l‑etos tagħhom hu bbażat fuq reliġjon jew twemmin.

    Fuq pariri ħżiena, dan l‑Abbozz ta’ Liġi jħalli barra din il‑proviżjoni importanti. Dan hu ta’ tħassib partikolari għall‑Knisja, li toffri għażla wiesgħa ta’ servizzi edukattivi b’mod partikolari mill‑iskejjel tagħha. Hu fin‑natura tal‑iskejjel tal‑Knisja li jnibbtu u jippromwovu spirtu Nisrani f’moħħ u fl‑atteġġjament tal‑istudenti tagħhom. Dan jistgħu jagħmluh b’mod speċjali billi, fl‑ambjent tagħhom, joħolqu u jimxu mat‑twemmin Nisrani. Mingħajr din il‑proviżjoni, il‑Knisja per eżempju tista’ tiġi sfurzata li timpjega edukaturi li jwettqu kampanji pubbliċi kontra xi aspetti tat‑tagħlim tagħha.

    Il‑Position Paper tirrakkomanda li l‑Abbozz ta’ Liġi tinkludi din il‑proviżjoni li hi parti mid‑Direttiva tal‑UE. Din il‑proviżjoni tippermetti lill‑Knisja timplimenta l‑prinċipju tal‑ugwaljanza fi ħdan l‑istituzzjonijiet tagħha mingħajr ma tgħawweġ jew ikollha tmur kontra (de facto tiċħad) t‑twemmin u l‑prinċipji etiċi tagħha.

Agħfas hawn biex tniżżel il-Position Paper dwar l-Att tal-Ugwaljanza (Verżjoni PDF).