Illum rappreżentanti tal-Koalizzjoni Inti Tista’ Ssalvani kellhom laqgħa mal-Prim Ministru, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, il-Ministru tal-Ġustizzja u s-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza.

Il-Koalizzjoni kienet irrappreżentata minn Dr Miriam Sciberras u Tonio Fenech mill-Fondazzjoni Life Network, u Dr Konrad Borg, Dr Daniel Farrugia u Dr. Helga Consiglio minn Doctors for Life.

Il-Koalizzjoni ppreżentat it-tħassib tagħha dwar l-Abbozz ippreżentat lill-Parlament u spjegat għaliex fil-forma preżenti tagħha jintroduċi l-abort. Il-koalizzjoni tenniet il-pożizzjoni tagħha kif spjegata fil-websajt www.salvani.eu.

Il-koalizzjoni mhix kontra t-titjib tal-liġi attwali biex tipprovdi aktar ċarezza u protezzjoni lit-tobba u n-nisa li jiffaċċjaw kumplikazzjonijiet ta’ theddida għall-ħajja waqt tqala u li jeħtieġu intervent mediku li jista’ jipperikola l-ħajja tat-tarbija.

Il-koalizzjoni tittama li l-Gvern jieħu r-rakkomandazzjonijiet ippreżentati.