• Is-Sibt 4 ta’ Ġunju 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna mexxa ċ-ċelebrazzjoni tal-pussess tal-Arċipriet il-ġdid tal-komunità Parrokkjali taż-Żurrieq, Dun Karm Mercieca.

    Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Knisja Parrokkjali, iż-Żurrieq
    4 ta’ Ġunju 2016
     
    Għażiż Arċipriet, Dun Karm, ippermettili noffrilek ftit riflessjonijiet li nispera jkunu ta’ għajnuna għalik fil-missjoni ġdida tiegħek, li tkun ir-ragħaj ta’ dan ir-raħal kbir, dan il-poplu għażiż.
    Qabel xejn, ippermettili nsellem lir-rispettabbli Viċi-Sindku, liż-żewġ kunsilliera oħrajn li għoġobhom jilqgħu l-istedina tagħna li jkunu magħna llejla. Nixtieqkom ukoll twasslu t-tislijiet tagħna lis-Sindku u lill-oħrajn li ma setgħux jiġu. Insellem ukoll lir-rappreżentanti ta’ diversi assoċjazzjonijiet li qegħdin magħna hawnhekk, biex nagħmlu festa u nagħmlu kuraġġ lir-ragħaj ġdid taż-Żurrieq. Nifhmu li l-komunità ċivika hija ħafna ikbar mill-komunità Nisranija, imma mhux ħafna ikbar. Il-komunità Nisranija hawnhekk għadha komunità vibranti u tagħti xhieda mhux biss fil-festi tagħha imma anke matul is-sena ta’ fidi verament sabiħa.
    Ġesù jersaq lejn il-belt ta’ Najn fil-Lhudija, miegħu hemm id-dixxipli u kotra kbira ta’ nies. Hu u ħiereġ mill-belt, jiltaqa’ ma’ korteo funebri, mill-belt ta’ Najn ħierġa l-mewt. Mara armla tibki lill-uniku tifel li kellha u tibkih bir-raġun, mhux għaliex tilfet l-uniku tifel tagħha imma wkoll għax tilfet mezz nobbli u leġġittimu ta’ għajxien. Il-Mulej Ġesù, jiena persważ, li meta ra lil dik il-mara u tħasarha, ftakar f’Ommu li kienet armla, u ftakar ukoll li hu kien ħalla d-dar u kien afdaha f’idejn il-familja estiża f’Nazaret.
    Anke Marija, wara l-mewt ta’ Ġużeppi, kellha l-uniku tifel u kellu wkoll imantnieha, imma biex jagħmel ir-rieda ta’ missieru, telaqha u kienu l-kuġini tiegħu – ħutu kif jgħidulhom anke l-Evanġelji – li kienu jieħdu ħsiebha. Ġesù baqa’ jinkwieta fuq din il-ħaġa, tant li minn fuq is-salib, f’dik l-agunija kbira, waħda mill-preokupazzjonijiet kbar tiegħu kienet: kif se jieħu ħsieb il-futur tal-mamà tiegħu. U minn fuq is-salib lill-armla Marija jafdaha lid-dixxiplu l-iżjed fidil li bil-fedeltà tiegħu kien indika li hu kien dehen li jieħu ħsieb il-mamà. “Mara, hawn hu ibnek”, “hawn hi ommok” (Ġw 19, 26.27). 
    Allura dik l-istedina: “tibkix” (Lq 7, 13) hija stedina li toħroġ mill-qalb ta’ Ġesù  mimlija wkoll nostalġija u mħabba lejn Ommu armla, imma ma jieqafx hemm. Ma jurix biss kompassjoni ta’ solidarjetà morali, imma jmidd idu fejn ħadd ma seta’ jmiddha. Resaq u mess it-tebut. Il-Mulej ma ddejjaqx imiss il-mewt, ma ddejjaqx jiċċappas bil-mewt. F’dak iż-żmien il-mentalità kienet li jekk inti tmiss il-katavru, issir imniġġeż inti wkoll. Ġesù ma stmerrx jitniġġes għax irid iġib il-ħajja mhux mill-bogħod imma billi jżur lill-poplu tiegħu, fejn qiegħed fil-fondoq, fl-abbiss tad-dgħufija u l-fraġilità tiegħu. “Żagħżugħ, qiegħed ngħidlek, qum. U l-mejjet qam bilqiegħda u beda jitkellem. U Ġesù tah lil ommu” (Lq 7, 14-15).
    Għażiż Dun Karm, aħna r-ragħajja tal-poplu – jiena tal-Arċidjoċesi, inti ta’ din il-parroċċa għażiża – x’nitgħallmu mill-ġesti, mill-kompassjoni ta’ Ġesù? Nitgħallmu li l-ewwel nett aħna rridu nkunu qrib il-poplu anke meta minn barra jidher biss katavru mejjet li tilef il-fidi, li huwa mjassar mill-bruda, jew mill-kultura kurrenti: iċapċap fil-festi imma l-kumplament tas-sena ma jimpurtahiex. U inti ma tridx tibża’, tidħol kull fejn jiftħulek il-bieb, jekk jagħlqulna, aħna nbaxxu rasna u nibqgħu għaddejjin. Jekk nistednuhom u ma jiġux, aħna nibqħu nitbissmu. Tiddejjaqx tersaq kull fejn hemm it-tbatija, tiddejjaqx tħabbat kull bieb u jekk jeħduk bil-herra offrih għal dnubieti, imma jiena naf li l-poplu taż-Żurrieq huwa poplu ġeneruż li se jilqgħek, u laqgħuk.
    Jiena Dun Karm, nafek li inti bniedem ta’ ftit kliem, meta mbagħad titkellem, jiskot kulħadd għax il-kelma tiegħek hija kelma li verament toħroġ mill-qalb, minn qalb li tħobb, jien hekk nafek. U n-nies taż-Żurrieq jiena nittama u nawgura li jiskopru dan id-don li l-Mulej poġġa fik. Mingħajr ħafna fanfarunati, mingħajr ħafna fanfarri, inti tajt ħajtek għall-Knisja u għall-poplu ta’ Alla. U għalhekk jiena nqisek rigal tal-Mulej għal dan il-poplu li forsi mhux se jaslu li jgħidu: “profeta kbir qam fostna” (Lq 7, 16). Ma jimpurtax, Dun Karm, imma jiena nixtieq li bil-ħidma tiegħek, bil-paċenzja tiegħek, bil-persważjoni tiegħek, il-Mulej meta jħares lejk ikun jista’ jgħid, imqar f’qalbu: “Alla żar il-poplu tiegħu” (Lq 7, 17). Alla żar il-poplu tiegħu! 
    Inti l-Evanġelju, l-Aħbar it-Tajba, li se tippriedka, taf li mhux tiegħek, bħalma jgħid Pawlu lill-Galatin fit-Tieni Qari tal-lum: “L-Evanġelju li ħabbartilkom jien mhuwiex Evanġelju tal-bnedmin”, mhuwiex tagħna l-Evanġelju li nħabbru, huwa l-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu (ara Gal 1, 11-12), tal-Mulej li ssallab għalina u li qam għalina wkoll. Dan hu li tħabbar lilna. Kulħadd għandu l-pelleginaġġ tiegħu li jqarbu lejn Damasku, kulħadd jiskopri l-Mulej bil-mod misterjuż tiegħu, imma għal kulħadd hemm dik il-kelma li taħtarna dixxipli u appostli: dixxipli li noqgħodu f’riġlejn il-Mulej nisimgħuh, u appostli għax mibgħuta biex inħabbru bil-ferħ il-kelma tiegħu.
    Jiena nawguralek ħafna, imma nawgura wkoll lil dan il-poplu għażiż li nġabar ħerqan miegħek illum flimkien mal familja tiegħek. Bil-preżenza tiegħek hawn mhux biex tkun biss preżenza sabiħa, li jkollok is-sapport tal-kleru u li l-Mulej jagħtik il-grazzja li jferraħlek qalbek bil-vokazzjonijiet għall-ħajja saċerdotali u għall-ħajja reliġjuża. Dan nitlob għalik li permezz tal-ministeru tiegħek, iż-żgħażagħ taż-Żurrieq jiskopru s-sbuħija tas-saċerdozju li huwa misteru ta’ għażla u misteru ta’ qadi. Jalla l-preżenza tiegħek tkompli taħdem għall-għaqda, u għal ġustizzja u inti taf li kull meta jkollok bżonni, se ssibni. Ma rridekx tħossok waħdek, Dun Karm, l-Isqof qiegħed biex ikun ukoll il-bastun tiegħek imma jiena persważ li qed nafdak lill-poplu ġeneruż li mhux se jħallik waħdek. Kuraġġ u l-Mulej miegħek.
     
      Charles J. Scicluna                                                          
         Arċisqof ta’ Malta
  • Ritratti: Ġużi Sammut, Żurrieq Parish