Il-Malti Mons Charles J Scicluna, investigatur ewlieni tal-Vatikan f’każi ta’ abbuż qal li l-maġġoranza tal-konferenzi episkopali fl-Ameriki, l-Ewropa u l-Asja, żammew ma’ mandat tal-Vatikan biex jifformulaw linji-gwida kontra l-abbużi. Mingħajr ma nkluda lill-Afrika, “iktar min-nofs tal-konferenzi episkopali wieġbu sad-data stipulata fl-aħħar ta’ Mejju”, qal Mons Scicluna mill-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi f’intervista li saritlu mal-magazin kattoliku Taljan ta’ kull xahar Jesus. Żied li dawk li ma weġbux sad-data stipulata, se jkunu qed jirċievu notament maħsub biex ifakkarhom.
Il-gazzetta tal-Vatikan L’Osservatore Romano, ikkwotat mill-intervista tal-bieraħ u qalet li l-Kongregazzjoni “rċeviet numru inkoraġġanti ta’ risposti minn pajjiżi Anglo-sassoni, imma anki persentaġġ għoli mill-Ewropa, mill-Asja u mill-Amerika Latina”.
Waqt li r-riżultat kien irrappurtat bħala wieħed sodisfaċenti, Mons Scicluna qal fl-intervista li l-Afrika “għandha sitwazzjoni partikolari b’diffikulta kbira fl-istrutturi tal-Knisja”. Hawn hu mifhum li kien qed jirreferi għad-diffikultajiet fl-infrastruttura u n-nuqqas ta’ komunikazzjoni li toħloq problema biex l-Isqfijiet tal-pajjiż ifasslu politika nazzjonali kontra l-abbuż”.
Mons Scicluna temm jgħid li “l-evalwazzjoni tal-linji gwida u l-politika proposta minn kull pajjiż biex tilqa’ u titratta każi ta’ abbuż sesswali minn membri tal-kleru fuq minuri, se tieħu madwar sena, bil-proċess jibda wara s-sajf”.