• L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Conservatorio Vincenzo Bugeja, Santa Venera
    5 ta’ April, 2019

    Dan l-Evanġelju huwa Evanġelju ħafna għażiż għalina għaliex aħna nisimgħu dan l-Evanġelju ta’ kull sena fil-festa tan-nawfraġju tal-Appostlu Missierna San Pawl.

    Illum ħadt sorpriża għax ma kontx naf li dan huwa l-Evanġelju li l-Knisja tagħżel fil-Festa ta’ San Vinċenz Ferrer għaliex huwa wkoll l-Evanġelju li għażilna għall-festa ta’ San Ġorġ Preca. Hemm konnessjoni dejjem tikber bejn dawn iż-żewġ qaddisin; dejjem ikun hemm xi sorpriża ġdida.

    Aħna fil-ħajja tagħna, fl-imġiba tagħna rridu wkoll inxandru l-Aħbar it-Tajba

    Qed nitkellmu dwar qaddis li miet bħal-lum 600 sena. Semmejna qaddis li miet fl-1962. Ħafna minna jiftakruh. Ġie hawnhekk f’dan il-post, hawnhekk San Ġorġ Preca kellu konsolazzjoni kbira għaliex filgħodu kellu viżjoni ta’ San Vinċenz ta’ Ferrer. Ma kienx jaf min hu dan il-qaddis bil-libsa Dumnikana u bil-barnuża fuq rasu, ma kienx jaf min hu. Imbagħad bħalma kien iħobb jagħmel, kien għaddej minn hawnhekk biex jitlob, fil-ħarrub li kien għad baqa’ hawnhekk – ma tantx għad baqa’ minnu. U ġie hawnhekk u jara dan il-patri. U dan huwa patrun fil-viżjoni li kellu filgħodu dakinhar stess. Imbagħad San Ġorġ Preca beda jaqra dawn l-iskrizzjonijiet bil-Latin u rrealizza li dak li qallu l-Patri Dumnikan kien propju dak li hawn miktub hawnhekk. U allura San Ġorġ Preca kellu l-konferma li l-qaddis li deherlu, ir-raġel li deherlu liebes ta’ Dumnikan bħalma hawn fil-kwadru hawnhekk, San Vinċenz Ferrer, u fil-fatt sejjaħlu l-profeta tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija.

    Il-qaddisin jitkellmu mal-qaddisin, anke billejl imma jkellmu lilna wkoll. Aħna fil-ħajja tagħna, fl-imġiba tagħna rridu wkoll inxandru l-Aħbar it-Tajba għal dawn iż-żgħażagħ li hawn hawnhekk. Jiena qed inkellem lil min jieħu ħsiebom. Aħna rridu nkunu dawk li jġibu aħbar tajba, aħbar li hemm futur, li hemm tama fil-ħajja, l-aħbar li hemm xi ħadd jieħu ħsiebna.   

    San Vinċenz Ferreri, kif għedt fil-bidu, huwa wkoll imsejjaħ anġlu mhux biss għax kien ħabbar imma wkoll fil-predikazzjoni tiegħu ħares, ħa ħsieb l-poplu t’Alla. Intom wkoll, għeżież membri, trustees, is-social workers, kull min jaħdem f’din l-istituzzjoni ben emerita, monument ta’ Vinċenzo Bugeja u tal-familja tiegħu – intom anġli. Intom l-anġlu kustodju, mhux anġli bil-ġwienaħ, imma anġli. Xi kultant il-ġwienaħ jaqgħulkom imbagħad jerġgħu jikbru. F’liema sens?  Li aħna rridu nieħdu ħsieb xulxin. Ħafna drabi nkunu aħbar tajba lil xulxin mhux bil-kliem imma bil-fatti. U għalhekk nitolbu anke għall-ħidma li ssir hawnhekk, nitolbu biex id-djoċesi ta’ Malta, il-Knisja jibqa’ jkollha anġli ħabbara, dawk mibgħuta biex iwasslu l-bxara t-tajba.

    U llum nitolbu b’qawwa kbira l-interċessjoni ta’ San Vinċenz Ferrer li studja ħafna, kien iħobb ħafna ’l art twelidu Valenzja, anke l-Katalunja, studja Barċellona, imma dar ukoll diversi pajjiżi fl-Ewropa f’mument meta fil-Knisja kien hemm firda kbira. Meta kien hemm iżjed minn Papa wieħed. M’aħniex ’il bogħod minn hekk, aħna ta, għax għandna ħafna kapuljuni li jippretendu li jgħallmu ’l Papa kif jagħmilha tal-Papa. U għalhekk għandna bżonn l-interċessjoni ta’ San Vinċenz Ferreri biex aħna nuru fedeltà lejn Ġesù anke meta s-sitwazzjoni li nkunu ninsabu fiha ma tkunx ideali imma d-dinja qatt ma tkun ideali, dejjem se jkollha xi diffikultà. U allura hemm bżonn l-għajnuna ta’ Alla u l-faraġ tal-qaddisin.  

    San Vinċenz Ferreri itlob għalina!


     Charles J. Scicluna
         Arċisqof ta’ Malta  


  • Il-Qari tal-Quddiesa:
    Qari I: Għerf 2, 1a.12-22
    Salm: 33 (34), 17-18.19-20.21 u 23
    Evanġelju: Ġw 7, 1-2.10.25-30