Fil-Vatikan il-Papa Benedittu XVI iltaqa’ ma’ grupp ta’ Isqfijiet mill-Konferenza Episkopali ta’ Angola u Sao Tome, li kienu għadhom kemm lestew ż-żjara tagħhom ta’ rutina fil-Vatikan. Il-Papa rrefera għaż-żjara li għamel fil-Luanda f’Marzu 2009 u li matulha ltaqa’ magħhom u anki ċċelebra l-quddiesa.
Il-Papa aċċenna wkoll għaż-żjara li se jkun qed jagħmel fl-Afrika f’Novembru li ġej, fejn se jmur Benin sabiex jiffirma l-Eżortazzjoni Appostolika Post-Sinodali tat-tieni Assemblea Speċjali tas-Sinodu tal-Isqfijiet fl-Afrika. Meta kkwota minn dak il-messaġġ finali qal li “l-ewwel u l-iktar kontribut speċifiku li wieħed għandu jagħti lill-poplu Afrikan huwa l-proklamazzjoni tal-Vanġelu ta’ Kristu, għaliex it-tħabbir ta’ Kristu hu l-ewwel u l-iktar fattur importanti ta’ żvilupp”. Tkellem dwar l-idea ta’ żvilupp u fissirha fit-trasformazzjoni tal-qalb li fi kliemu, tiġi mill-konverżjoni lejn il-Vanġelu.
Il-Papa ma naqasx milli jagħti attenzjoni partikolari lejn id-diffikultajiet li qed jiffaċċjaw l-insara ta’ Angola. Semma l-konkubinaġġ, il-pressjoni li l-istess kultura Afrikana titfa fuqhom, fejn l-insara bħal jinqabdu bejn ir-reliġjonijiet tradizzjonali Afrikani u l-Kristjaneżmu, u anki t-tribaliżmu etniku.
Fl-aħħarnett, il-Kap tal-Knisja Kattolika temm ifakkar li “Alla ta l-liberta lill-bniedem”, minbarra l-fakulta tar-raġuni u l-fidi.