Caritas qed tappella għall-għajnuna internazzjonali sabiex tingħeleb il-kriżi tal-ikel fir-reġjun Sahel tal-Punent tal-Afrika, fejn 10 miljun persuna qed jiffaċċjaw il-ġuħ. In-Niġerja hi l-iktar milquta, bi 8 miljun persuna f’riskju serju. Dan, skont Caritas, meta hemm ukoll nuqqas kbir ta’ ikel f’Chad, Mali u Burkina Faso.
Is-Segretarju Ġenerali ta’ Caritas Niġerja, Raymond Yoro, qed jappella għal għajnuna immedjata u qed jafferma li “qatt m’hu tard wisq biex wieħed jevita traġedja”. Iżid li “qed niffaċċjaw sitwazzjoni ta’ emerġenza biex insalvaw it-tfal fin-Niġerja. Dan hekk kif 378,000 tifel u tifla huma f’riskju ta’ malnutrizzjoni akuta u mal-miljun u 200,000 oħra huma
f’riskju ta’ malnutrizzjoni moderata”.
Caritas kompliet li l-kriżi, li qed tirriżulta minn xira rregolari, għoli tal-ħajja u faqar kroniku, hi “ħafna agħar” mill-aħħar kriżi tal-ikel fl-2005. Yoro kompla jgħid li minn dakinhar “il-lezzjoni kienet ċara li dewmien fl-għoti tal-għajnuna jiswa l-ħajjiet. U minkejja l-allarm f’Diċembru 2009, donaturi żammew pass kajman immens biex jagħtu l-għajnuna”. L-Aġenzija qalet li hemm nies ilhom jesperjenza nuqqas ta’ ikel għal sitt xhur sħaħ, bil-konsegwenza li qed ibihom il-ftit affarijiet li għandhom, jieklu ħxejjex selvaġġi, u saħansitra joħorġu ‘l uliedhom mill-iskejjel u jabbandunaw djarhom biex ifittxu l-ikel.
L-appell ta’ Yoro huwa għal għajnuna mmedjata.
In-Niġerja għandha biss nofs l-ammont ta’ riżorsi meħtieġa biex wieħed jitma lil dawk bil-ġuħ u xorta għadha nieqsa b’50 miljun dollaru Amerikan. Barra minn hekk is-sistema tas-saħħa fil-pajjiż, li tmexxi programmi ta’ trattament għall-malnutrizzjoni b’xejn, hi kważi falluta.
Caritas ilha tmexxi kampanja sa minn Mejju biex għall-inqas tiġbor 3.5 miljun dollaru Amerikan sabiex titma madwar 246,000 familja u tipprovdi mas-17,000 tifel u tifla u mara tqila bil-kura speċjali meħtieġa.