Il-ktieb il-ġdid tal-Papa Benedittu XVI “Ġesu ta’ Nażaret: Il-Ġimgħa Mqaddsa – Mid-Dħul f’Ġerusalemm sal-Qawmien mill-Mewt”, se jkun ippreżentat fil-Vatikan fi żmien ġimgħa, nhar il-Ħamis 10 ta’ Marzu. Il-ktieb tal-Papa qed jiġi ppubblikat bit-Taljan mid-Dar għall-Pubblikazzjonijiet tal-Vatikan, u bl-Ingliż mill-istamperija Ignatius Press. Se jkun ukoll ppubblikat bil-Ġermaniż, bl-Ispanjol, bil-Franċiż, bil-Portugiż u bil-Pollakk. Se tkun qed tingħata wkoll konferenza tal-aħbarijiet bil-preżentazzjoni tal-ktieb, bis-sehem tal-Prefett tal-Kongregazzjoni għall-Isqfijiet, il-Kardinal Marc Oullet u l-iskular Ġermaniż u kittieb, Claudio Magris. Il-Ktieb għandu disa’ kapitli u epilogue.
L-ewwel kapitlu jittratta d-dħul ta’ Ġesu f’Ġerusalemm u t-Tempju; it-tieni kapitlu jiffoka dwar id-diskors eskatoloġiku ta’ Ġesu, mifrux fuq tliet taqsimiet marbuta ma’ tmiem it-Tempju, żmien il-Ġentili u l-Profezija u l-Apokalittika fid-diskors eskatoloġiku. It-tielet kapitlu jindirizza l-ħasil ta’ riġlejn l-Appostli, b’sitt taqsimiet. Ir-raba’ kapitlu huwa dwar it-talba ta’ Ġesu, għal darb’oħra b’taqsimiet li jindirizzaw it-tema tat-talb. Kapitlu ħamsa huwa ddedikat għall-Aħħar Ċena ta’ Ġesu, li janalizza fost oħrajn, it-Twaqqif tal-Ewkaristija.
Is-sitt kapitlu huwa ħarsa mill-qrib lejn il-Ġetsemani b’analiżi lejn il-Ġnien taż-Żebbuġ, it-talb ta’ Ġesu u s-sottomissjoni lejn ir-rieda tal-Missier.
Kapitlu sebgħa huwa dwar Ġesu proċessat, b’taqsimiet li jinkludu d-diskussjoni preliminari fis-Sinedriju u Ġesu quddiem is-Sinedrin u quddiem Pilatu. It-tmien kapitlu jħares lejn il-kruċifissjoni u d-difna ta’ Ġesu . L-aħħar kapitlu, id-disa’ wieħed, huwa dwar il-Qawmien mill-Mewt ta’ Ġesu, b’taqsimiet li jinkludu t-tifsira tar-Resurezzjoni u ż-żewġ tipi ta’ xiehda, flimkien mas-sinifikat storiku.
Il-ktieb jagħlaq b’epilogu dwar Ġesu fil-lemin tal-Missier, Hu li jerġa jiġi fil-glorja.