Intlaħaq ftehim bejn il-Gvern ta’ Malta u l-Kulleġġ Santu Wistin sabiex skola statali fil-Marsa tibda tintuża mill-Kulleġġ Santu Wistin sakemm jitlestew ix-xogħlijiet fuq l-iskola l-ġdida f’Tal-Pietà. Permezz ta’ dan il-ftehim, il-Kulleġġ Santu Wistin se jaċċetta 75 tifel fl-ewwel sena primarja u 75 tifel fir-raba’ sena primarja. It-tfal li qegħdin temporanjament fis-Seminarju tal-Arċisqof, fit-tieni u l-ħames sena, is-sena skolastika li jmiss jibdew imorru ukoll f’din l-iskola statali fil-Marsa.
Il-postijiet vakanti fl-ewwel u r-raba’ sena primarja se jimtlew skont ir-Regolamenti tad-Dħul tas-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija. Hekk il-Kulleġġ Santu Wistin se jiżdied ma’ dawk l-iskejjel li l-applikanti jkunu jistgħu jagħżlu minnhom. Se tingħata l-opportunità sabiex min ma applikax ikun jista’ japplika. L-applikazzjonijiet se jintlaqgħu nhar il-Ħamis, 14 ta’ Marzu 2013, fil-Kulleġġ Santu Wistin, Triq Gwardamangia, Pietà, mid-9:00 sa nofsinhar.
Sabiex issir l-applikazzjoni huwa meħtieġ: ċertifikat tal-magħmudija, ċertifikat tat-twelid, ritratt tat-tifel daqs tal-passaport u ħlas ta’ €10. Għal aktar dettalji wieħed jista’ jara r-Regolamenti tad-Dħul fl-iskejjel tal-Knisja fuq www.maltadiocese.org