Il-Kulleġġ tal-Kappillani wara laqgħa li saret l-Erbgħa, 18 ta’ Novembru 2009, fil-preżenza tal-Arċisqof Pawlu Cremona OP, fid-Dar tal-Kleru Fleur-de-Lys, biex jirrifletti u jiddiskuti d-dokument konsultattiv “Nirrestawraw il-Festi Flimkien”, intenni li:
- Il-Kulleġġ tal-Kappillani jagħraf u japprezza l-valur tal-Festi. Huma ma jistgħux ikunu kontra l-Festi meta dawn jirriflettu u jgħinu l-mixja nisranija tal-parroċċi. M’għandna l-ebda ħsieb li nfixklu l-organizzazzjoni u ċ-ċelebrazzjoni tal-Festi meta jirrispettaw dan l-ispirtu. Aħna nagħrfu li d-Dokument “Nirrestawraw il-Festi Flimkien” inkiteb b’dawn il-ħsibijiet warajh.
- L-iskop tad-dokument konsultattiv, ismu miegħu, kien li joħloq forum biex flimkien u fid-dawl tal-prinċipji msemmija (No. 3.2 pg 11) jwieġeb għall-bżonn u x-xewqat imfissra mill-istess gruppi nvoluti fil-festi u l-poplu inġenerali biex inħarsu l-aspett nisrani, soċjali u kulturali tal-festi.
- F’dan is-sens, l-Awtoritajiet tal-Knisja jħossu r-responsabbilta’ li fl-aħħar mill-aħħar hija l-Knisja responsabbli għall-organizzazzjoni u t-tmexxija tal-festa sħiħa, fil-knisja u barra l-knisja, b’koperazzjoni sħiħa tal-Awtoritajiet ċivili u ta’ kull min iħobb il-festi nsara ċċelebrati b’mod nisrani u ċivili.
- F’dan l-ispirtu d-dokument jimmira għal tisfija u żabra, mhux li jeqred jew inaqqas, imma biex joħoġ aktar l-aspett tal-fidi u jwarrab dak li jmur kontra l-għaqda, ir-rispett reliġjuż u l-moralita’ pubblika.
- Il-Kulleġġ tal-Kappillani jingħaqad mal-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi biex juri l-apprezzament lil dawk kollha li b’dedikazzjoni, impenn u sagrifiċċju jagħtu sehemhom fil-festi u jħeġġeġ biex nirbħu kull sens ta’ konfront ħalli f’kollaborazzjoni niċċelebraw festi li jixhdu fidi nisranija.
Għalhekk, l-istess Kulleġġ iħeġġeġ lill-gruppi nvoluti u individwi nteressati biex ilkoll juru rieda tajba u jieħdu sehem bil-fehmiet u s-suġġerimenti tagħhom fil-konsultazzjoni li tibqa’ għaddejja sat-30 ta’ Novembru.