Mis-sena d-dieħla, il-Kulleġġ De La Salle u l-Kulleġġ Stella Maris, inkluż l-Iskola San Benild, se
jimxu lejn ambjent koedukattiv. It-trasformazzjoni għandha sseħħ fuq perjodu ta’ 11-il sena.
Fis-sena skolastika 2025/26, id-dħul tal-Ewwel Sena se jinqasam indaqs bejn subien u bniet
fl-iskejjel kollha Lasalljani. Id-dħul se jsir permezz tal-proċedura tas-soltu tal-polza tal-Iskola
tal-Knisja li hija organizzata fuq livell nazzjonali mis-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika.
Year groups oħra mhumiex affettwati. L-istudenti kollha li bħalissa jattendu l-Kulleġġ De La
Salle u l-Kulleġġ Stella Maris se jkomplu jattendu il-kulleġġi bħala year group tas-subien biss.
Il-koedukazzjoni għandha tiddaħħal gradwalment, sena b’sena. L-ewwel grupp koedukattiv
tat-Tieni Sena se jidħol fl-2026/27. L-iskejjel sekondarji se jaċċettaw l-ewwel tfajliet, għas-
Sena 7/Form 1, fl-2031/32. It-tranżizzjoni se titlesta fl-2035/36.
Id-deċiżjoni li nimxu lejn il-koedukazzjoni ttieħdet mill-Bord governattiv tal-iskejjel — il-Bord
tat-Trust tal-Brothers of the Christian Schools (De La Salle Brothers) f’Malta. Dan sar wara
konsultazzjoni estensiva mal-partijiet interessati, inklużi membri tal-istaff, ġenituri u
studenti.
Iċ-chairperson tat-Trust, Joe Gilson, qal li d-deċiżjoni hija bbażata fuq il-missjoni universali ta’ San Ġwann Battista de La Salle, it-tagħlim tal-Papa Franġisku u l-Għanijiet ta’ Żvilupp
Sostenibbli tal-Ġnus Magħquda.
Mill-bidu tagħhom, l-iskejjel Lasalljani ppromwovu kurrikuli u ambjenti ta’ tagħlim li jiffurmaw il-personalità sħiħa tal-istudenti, bħala tħejjija għar-responsabbiltajiet familjari, ċiviċi u umani tagħhom. Il-Papa Franġisku jinsisti li l-ethos tal-Knisja tas-seklu 21 għandu jinkorpora l-ispirtu Nisrani ta’ djalogu awtentiku u inklużiv, mhux l-inqas bejn l-irġiel u n-nisa.
Dan il-wirt ħaj se jsawwar it-trasformazzjoni gradwali tal-iskejjel Lasalljani ta’ Malta f’ambjenti koedukattivi, spazji biex is-subien u l-bniet jikbru u jimmaturaw f’komunità fejn ir-rispett u l-inklużjoni, irrispettivament mid-differenzi bejn is-sessi, huma mgħallma bħala
stil ta’ ħajja Nisranija u umana.
Għal aktar informazzjoni, ikkuntattja lil Stephen Cachia, Direttur tal-Missjoni Edukattiva, fuq [email protected]