Il-Kummissjoni Pastorali fid-Dinja tax-xogħol segwiet b’interess id-diskors tal-Baġit 2014 u tħoss li s-soċjetà f’dawn il-mumenti għandha l-ewwel u qabel kollox turi l-apprezzament tagħha lejn il-politiċi li matul iż-żmien fasslu miżuri biex, kif ingħad fil-Baġit preżenti, ‘iħarsu l-kwalitajiet tal-ħajja fil-familja’.
F’dan id-diskors, il-Kummissjoni nnotat dawk il-punti li hi ddiskutiet u studjajt fil-laqgħat passati, u b’dover tħoss li għandha twassal il-ħsibijiet tagħha.
Il-Kummissjoni nnotat l-impenn tal-gvern fil-qasam tax-xogħol biex jieħu dawk l-inizjattivi sabiex ‘51.5% tan-nisa mhux attivi fil-qasam tax-xogħol jikkonsidraw li joħorgu jaħdmu’. Issemmew miżuri oħra fil-Baġit biex il-mara tad-dar toħroġ taħdem. Naraw il-kuntest kollu: il-pressjoni mill-EU, il-pressjoni ekonomika u anke l-avvanz tal-mara wassluna għal dawn il-miżuri ġusti. Imma, il-Kummissjoni tixtieq twassal il-leħen ta’ dawk in-nisa li jagħżlu li jibqgħu d-dar għax iħossu li jistgħu jaqdu aħjar id-dmirijiet tagħhom fil-familja. Kif ingħad f’seminar li organizzat il-Kummissjoni, ‘is-soċjetà qiegħda ġġegħelhom iħossuhom li qegħdin jisirqu lill-Istat’. Il-Kummissjoni tagħraf u tirrispetta dawk in-nisa li joħorġu jaħdmu, imma fis-soċjetà tagħna għadna napprezzaw li mara tibqa’ d-dar? Forsi ta’ min jieqaf ftit u jaħseb; aħna b’dan l-atteġġjament tagħna lill-mara tad-dar qegħdin ninjorawha, qegħdin nirrispettaw lin-nisa kollha? Kemm tagħti sehem il-mara lis-soċjetà f’kull qasam, kemm dak politiku, amministrattiv, mediku, edukattiv; u kemm ukoll tagħti sehem lis-soċjetà meta l-mara tagħżel li tibqa’ d-dar u trabbi ċittadini f’karattri sodi. Hawn nisa li jridu jagħżlu dan l- impenn fid-dar, fil-familja. Jalla jkollhom l-għajnuna mill-Istat biex jagħmlu din l-għażla.
Punt ieħor li ssemma fil-Baġit hija l-white paper dwar il-possibilità ta’ żieda fis-sigħat tal-ftuħ tal-ħwienet. Il-Kummissjoni tħoss li għandha titkellem, anke jekk tħossha weħidha f’dan ir-raġunar. Il-Kummissjoni kienet nediet kampanja dwar il-bżonn tal-Jum tal-Ħadd għall-ħaddiem. Il-Jum tal-Ħadd huwa Jum il-Mulej, Jum il-Familja, Jum ta’ mistrieħ. Hemm xogħol li ma jistax ma jsirx il-Ħadd għax huwa meħtieġ, imma mhux kull xogħol huwa permess fil-Ħadd, għax il-Ħadd huwa mfassal mill-istorja għall-mistrieħ. L-Għaqda Dinjija tas-saħħa,
kemm-il darba saħqet li nuqqas ta’ mistrieħ iwassal għal nuqqas ta’ produttività u għal mard fl-istess ħaddiem. Il-Kummissjoni tfakkar li għandna bżonn nitbiddlu maż-żminijiet. Illum kemm l-ekonomija u anke l-mod ta’ ħajja li ngħixu jitlob tibdil anke fir-rigward tal-ħinijiet tal-ftuħ tal-ħwienet. Imma jibqa’ l-fatt li ‘l-bniedem għandu bżonn il-mistrieħ, għandu bżonn il-familja fejn it-tfal ikunu vaganzi fil-Ħdud, għandu bżonn li jgħix il-fidi tiegħu. Il-ħaddiem għandu bżonn il-ħin biex isib lilu nnifsu mill-lat fiżiku, psikoloġiku u reliġjuż. Mhux kemm taqbad u żżid il-ħinijiet tal-ftuħ tal-ħwienet. Jalla naħsbu fuq il-konsegwenzi tad-deċizjonijiet li nieħdu.
‘Il-gvern huwa marbut li jintroduċi miżuri biex inaqqas ix-xogħol prekarju’. Dwar dan il-punt, il-Kummissjoni ngħaqdet mal-imsieħba soċjali b’mod speċjali mal-Unions fil-kampanja kontra x-xogħol prekarju. Waħda mid-diffikultajiet li tissemma hija li l-prekarjat ma għandniex definizzjoni ċara tiegħu. Id-definizzjoni ssibha fil-ħaddiema stess li huma vittma ta’ dan it-tip ta’ xogħol. Il-Papa Franġisku, meta żar Sardenja, tkellem fuq ix-xogħol prekarju. Qal li għandna nkunu għaqlin u r-realtajiet li ngħixu fihom għandna nsejħulhom b’isimhom. Jekk fil-prekarjat se nistaħbew billi ngħidu li ma nafux x’inhu, ma nistgħux nikkumbattuh. Il-Papa semma ħafna l-idolu falz tal-lum, dak tal-flus, tal-qligħ, fejn il-flus qegħdin jikkmandawna. Bħala nazzjon għandna nappoġġjaw lill-gvern f’din il-ħidma kontra l-prekarjat. Il-gvern għandu jkun aktar viċin tal-ħaddiem vulnerabbli għal dan ix-xogħol u jkun konxju li fis-soċjetà tal-lum jeżisti dan it-tip ta’ xogħol. Waħda mill-miżuri li għandha tittieħed u li fil-Baġit issemmiet, hija l-għarfien, it-tagħlim u l-formazzjoni fost iż-żgħażagħ bi preparament għad-dħul fid-dinja tax-xogħol. Inizjattiva oħra li ssemmiet mill-Unions hija r-reviżjoni tar-regolamenti tax-xogħol, li għandhom jiġu reveduti l-aktar fejn jidħol ix-xogħol b’kuntratti, aġenti u part-timers, li huma realtajiet relattivament ġodda fil-qasam tax-xogħol.
Il-Kummissjoni, permezz ta’ din l-istqarrija, semmiet tliet punti li tħoss li huma importanti; l-ewwel, jekk il-mara għadx għandha d-dritt li tagħżel li tibqa’ d-dar mingħajr ma tħossha, mill-kliem li jingħad, li xogħolha mhux meqjus bħala utli għas-soċjetà; it-tieni, rigward il-ftuħ tal-ħwienet f’sigħat itwal u kif dan se jaffettwa lill-ħaddiem fir-rigward tal-ħin mal-familja tiegħu, il-ħin li għandu bżonn ta’ mistrieħ u rigward il-bżonnijiet reliġjużi tiegħu; it-tielet, rigward ix-xogħol prekarju fid-dinja tal-lum, li jeżisti u li għandna nkunu viċin dawn il-ħaddiema biex ikunu jistgħu jiġu protetti u megħjuna mingħajr biża’.
Il-Kummissjoni tixtieq li dak li jingħad ma jkunx imfassal biss għall-bżonnijiet ekonomiċi, imma wkoll, u fuq kollox, ikun mill-aqwa u l-ogħla ġid għall-persuna li hu l-ħaddiem Malti u l-familja tiegħu.