Il-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ (KDŻ) ikkummissjonat studju lil grupp ta’ esperti, li kellu bħala Chairperson lil Prof. Dun George Grima u bħala membri lil Dr Joanne Cassar, Dr Ruth Falzon, Prof. Dun Pawl Galea u Dr Edward Warrington, dwar l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, fl-eta’ tas-16-il sena. Minn dan l-istudju ħareġ li fid-dawl tal-fatt li l-partiti jaqblu li l-vot fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali jiġi estiż għal żgħażagħ ta’ 16-il sena, huwa necessarju li sa minn kmieni titrawwem fihom responsabbiltà politika, meta jipparteċipaw attivament fid-demokrazija ta’ pajjiżhom.
It-trawwim tar-responsabbiltà politika huwa proċess li jrid jagħmel parti mis-sistema edukattiva ta’ pajjiżna. It-tfal jridu jiġu esposti għal din ir-realtà daqshekk importanti fil-ħajja soċjali, u akkumpanjati biex jikbru u jimmaturaw fir-responsabbiltà politika.
Qabel ma jilħqu l-età tal-vot, jenħtieġ li t-tfal u ż-żgħażagħ jkunu diġa mħarrġin sewwa biex jifhmu l-proċess politiku, u jkunu kapaċi jipparteċipaw b’mod attiv fid-deċiżjonijiet li jkunu qed isiru u jittieħdu fil-lokalità tagħhom. B’hekk il-parteċipazzjoni politika ma tkunx tfisser biss li tivvota meta tiġi msejjah.
Għalhekk, il-Kummissjoni qed tirrakomanda fost l-oħrajn li l-edukazzjoni politika tiġi implimentata ħolitistkament (school cross-curricular approach) u mhux indirizzata separatament f’numru ta’ suġġetti. Dan ifisser li fl-iskola stess għandu jinħoloq ambjent ta’ parteċipazzjoni fid-deċiżjonijiet li jolqtu lill-istudenti.
Il-proċess politiku jagħmel użu estensiv mill-media b’tali mod li r-riżultat tad-deċiżjonijiet fuq kull livell ħafna drabi jkun jiddependi kif dawn jiġu ppreżentati fil-media. Għalhekk, il-Media Education jenħtieġ li tingħata aktar attenzjoni fl-edukazzjoni politika.
Dak li jingħad dwar ir-rwol tas-sistema edukattiva fl-edukazzjoni politka, ngħiduh wkoll għall-edukazzjoni informali. Jenħtieġ li dawk kollha li jiltaqgħu mat-tfal u ż-żgħażagħ barra mill-ħin tal-iskola, jkunu huma wkoll ippreparati biex jgħinuhom fl-edukazzjoni politika.
Ix-xogħol maż-żgħażagħ u l-youth ministry għandu jinkludi din l-edukazzjoni politika. Dan ix-xogħol u dan il-ministeru jista’ jgħin ħafna biex iż-żgħażagħ jesploraw il-valuri politiċi tagħhom li fuq kollox għandhom ikunu etiċi. Dan iwassal biex tingħeleb l-ideja li tiddomina fil-pajjiż li l-politika hi diviżiva flok kollaborattiva.