-
-
Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tar-Refuġjati 2017 (20 ta’ Ġunju), it-Taqsima Refuġjati tal-Kummissjoni Emigranti tappella lin-nies kollha ta’ rieda tajba biex ifittxu b’ħeġġa li jifhmu dejjem aħjar il-karba tar-refuġjati u jtejbu r-rispons xieraq tagħhom għall-isfida ta’ solidarjetà umana li tfisser il-vulnerabilità ta’ bnedmin bħal dawn.
Bħalissa fid-dinja hawn iżjed persuni maqtugħin minn għeruqhom minħabba konflitti jew persekuzzjoni minn kwalunkwe żmien ieħor wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Aktar minn 65 miljun ruħ madwar id-dinja kellhom ta’ bilfors jaħarbu minn djarhom biex jiskappaw mill-periklu u jsibu kenn band’oħra.
Iċ-ċifra tinkludi fuq ħames miljun refuġjat vittmi tal-konflitt Sirjan, li ilu sejjer fuq sitt snin u sar l-ikbar kriżi umanitarja u ta’ refuġjati fi żmienna, kriżi li ħalliet ukoll maż-żewġ miljun ruħ mejtin jew korruti. Madwar 24,000 minn dawk li tilfu ħajjithom huma tfal.
Qrib ħafna tagħna li qed ngħixu f’Malta, hemm ukoll l-inkwiet gravi ta’ eluf ta’ migranti mill-Afrika ta’ Fuq u l-Lvant Nofsani li għadhom qed jitilfu ħajjithom fil-Baħar Mediterran. S’issa, fl-2017 hu stmat li fuq 1,770 persuna għerqu jew baqgħu ma nstabux waqt li kienu qed jaqsmu l-Mediterran mil-Libja. Aktar nies hu maħsub li mietu fid-deżert tas-Sahara qabel ma waslu l-Libja.
Il-gwerer, il-persekuzzjonijiet, il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, il-faqar, l-iżbilanċ ambjentali u d-diżastri naturali, ilkoll kemm huma jikkargaw il-fenomenu tar-refuġjati. F’din il-ħsara, huma t-tfal li jbatu l-ewwel. Xi drabi, it-tfal isofru t-tortura u vjolenza fiżika oħra, flimkien ma’ aggressjoni morali u psikoloġika, li kważi dejjem tħalli ġrieħi li ma jingħalqux.
Il-Kummissjoni Emigranti, li ilha taħdem bla heda mar-refuġjati u l-familji tagħhom mill-bidu tas-snin 1970, tappoġġja u tinkuraġġixxi b’ħeġġa l-sforzi sostnuti ta’ Malta biex terfa’ dejjem aħjar ir-responsabbiltajiet legali u morali tagħha fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali u s-solidarjetà ma’ bnedmin vulnerabbli, skont id-drittijiet umani u d-dinjità tagħhom.
Il-Kummissjoni tħeġġeġ ukoll lir-rappreżentanti kollha Maltin fil-fora internazzjonali biex jisħqu b’qawwa u bla heda fuq il-bżonn fundamentali li jiġu trattati kif imiss is-sitwazzjonijiet fil-pajjiżi ta’ oriġini li jnisslu l-mewġiet ta’ refuġjati u l-migrazzjonijiet. Dan jitlob, bħala l-ewwel pass, l-impenn tal-komunità internazzjonali kollha biex jiġu eliminati l-konflitti u l-vjolenzi li jġiegħlu lin-nies jaħarbu.
Il-fraternità umana u l-valur tas-solidarjetà jitolbu tweġibiet kreattivi, attivi, ko-ordinati, konkreti. L-intenzjonijiet tajbin u l-wegħdiet mhumiex biżżejjed. L-eżistenza ta’ kull bniedem hija marbuta ma’ dik ta’ oħrajn. L-oħrajn, huma min huma u jinsabu fejn jinsabu, huma persuni li jrid jittieħed ħsieb tagħhom.
-
Photo: MOAS