-
L‑Arċisqof Charles J. Scicluna waqqaf mill‑ġdid il‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, u ħatar lill‑Perit Daniel Darmanin bħala President tal‑Kummissjoni għall‑perjodu ta’ tliet snin.
Il‑Perit Darmanin, li għandu 33 sena, studja fl‑Università ta’ Malta u kompla l‑istudju tiegħu fl‑Università ta’ Loyola, Chicago, l‑Istati Uniti, fejn kiseb Masters fil‑Ġustizzja Soċjali u l‑Iżvilupp tal‑Komunità.
Il‑Membri tal‑Kummissjoni jinkludu lis‑Sur Walance Buttigieg Scicluna, Dr Katrine Camilleri, Fr Mark Cachia SJ, Dr John Paul Cauchi, is‑Sinj. Maria Vella u l‑Perit Simone Vella Lenicker.
Il‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi ser taħdem ma’ persuni ta’ rieda tajba favur soċjetà aktar ġusta, fejn id‑drittijiet ta’ kulħadd jiġu rrispettati u fejn kulħadd jgħix b’dinjità u fil‑paċi. Ser tagħmel dan permezz ta’ riflessjoni u analiżi, u billi ssemma’ leħinha dwar kwistjonijiet li jolqtu d‑drittijiet tal‑bniedem u l‑kwalità tal‑ħajja, u taħdem biex toħloq għarfien akbar tat‑Tagħlim Soċjali tal‑Knisja.
Il‑Kummissjoni ser tkun qiegħda tgħin ukoll lill‑Knisja lokali biex tkompli tagħti l‑kontribut tagħha favur soċjetà li tirrispetta d‑dinjità tal‑bniedem, filwaqt li tħeġġeġ lill‑Poplu ta’ Alla sabiex jgħix is‑solidarjetà b’mod prattiku.
Jista’ jsir kuntatt mal‑Kummissjoni permezz tal‑email: [email protected].