Nhar il-Ħamis 5 ta’ Jannar 2012, il-Kummissjoni Liturġija Interdjoċesana laqqgħet lid-diretturi, lill-membri ta’ korijiet u dawk kollha impenjati fis-servizz tal-kant liturġiku għall-preżentazzjoni uffiċjali tal-ewwel minn tliet kotba ta’ Salmi Responsorjali li jitkantaw fil-Ħdud ta’ matul is-sena. Din l-attività saret f’Casa De Piro, l-Imdina, u għaliha attenda l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. u madwar 80 ruħ minn parroċċi u organizzazzjonijiet oħra fi ħdan il-Knisja.
Il-lejla fetħet b’diskors ta’ Mons. Arthur Said Pullucino, President tal-Kummissjoni Liturġija, li wera s-sodisfazzjoni tiegħu li x-xewqa li jkun hemm dan it-tip ta’ ktieb saret realtà biex issa s-Salm Responsorjali jista’ jitkanta kif inhu xieraq fil-Liturġija tal-Ħadd. Qal li din il-biċċa xogħol ġiet fdata f’idejn is-surmast Ray Sciberras u awgura li l-poplu Nisrani Malti jagħmel użu xieraq minn dan il-proġett, li barra kotba jinkludi wkoll sett ta’ 4 Demo Cds. Huwa esprima l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippubblika ktieb ta’ Innijiet fuq livell nazzjonali u għalhekk stieden lil kull min huwa interessat biex iressaq xogħlijiet għall-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni Liturġija.
Wara dan id-diskors tkellem is-Sur Joseph Casha, li flimkien ma’ Fr Jesmond Manicaro, huwa l-editur tal-pubblikazzjoni. Is-Sur Casha qal li l-ħsieb kien li d-Djoċesi jkollha ċelebrazzjoni tas-Salm Responsorjali kif jixraq liż-żminijiet tal-lum b’idjoma moderna li fl-istess ħin tirrispetta dawk il-prinċipji li l-Knisja dejjem ħaddnet kull meta ppronunzjat ruħha fuq il-mużika sagra. Huwa żied jgħid li ngħatat attenzjoni speċjali biex il-mużika tesprimi sentiment qawwi reliġjuż u sagru, żewġ kwalitajiet kardinali li s-surmast Sciberras irnexxielu jittraduċi b’tant ħila f’lingwaġġ mużikali sempliċi li jevoka sentiment qawwi ta’ talb u tifħir lil Alla. Is-Sur Casha ddeskriva dan il-ktieb bħala pass importanti li jissodissfa x-xewqa ta’ ħafna, li wara ħajja ta’ 50 sena li l-lingwa tagħna ilha tgħix fil-ħajja liturġika, l-Insara Maltin se jibda jkollhom corpus uffiċjali ta’ mużika sagra miġbura f’kotba approvati u xierqa f’kull aspett.
L-Arċisqof Cremona, wara li radd ħajr lil kull min kien involut, saħaq fuq l-aspett spiritwali li qal għandu jkun il-punt tat-tluq ta’ kull attività artistika. Hu enfasizza li anke l-istess mużika m’għandiex tkun skop fiha nnifisha jew b’xi mod li tfixkel il-laqgħa tagħna mal-Mulej Ġesù. L-Arċisqof żied jgħid li jekk nitilfu dan l-iskop, il-mużika sagra tinbidel f’kunċert u ma tibqax aktar talba ħierġa mill-qalb.
L-aħħar diskors sar minn Fr Daniel Galea O. Carm li ta tagħrif informattiv fuq is-Salmi mill-aspett Bibbliku. Huwa tkellem fuq in-natura differenti tas-salmi u l-użu tagħhom fil-liturġija tat-Tempju. Bħall-kelliema ta’ qablu huwa rrefera wkoll għall-ispirtu ta’ talb li wieħed għandu jkollu meta jaqra, jkanta jew jikkomponi mużika għas-salmi.
Il-laqgħa ntemmet bi preżentazzjoni ta’ tifkira lill-koristi li volontarjament taw sehemhom fil-produzzjoni tas-Cds. Barra d-diskorsi u l-preżentazzjoni taż-żewġ kotba (wieħed għall-Orgni u l-ieħor għall-Ġemgħa) u sett ta’ Cds, mis-surmast Sciberras lill-Arċisqof, tkantaw xi salmi rappreżentattivi tas-sena liturġika.
Agħfas fuq ir-ritratti biex tkabbar. Ir-ritratti tal-attivitajiet tal-Arċisqof jistgħu jinxtraw mill-ħanut PHOTOCITY, il-Belt. Tel: 21236723. Email: [email protected]