Il-Kungress Ewkaristiku internazzjonali li se jsir f’Dublin, l-Irlanda, fis-sajf li ġej, għandu l-għan li jattira żgħażagħ bi programm deskritt bħala “wieħed mill-iktar programmi ta’ ministeru taż-żgħażagħ ambizzjużi li qatt kienu preżentati fil-pajjiż”.
Iż-żgħażagħ qed ikunu mistiedna mill-Irlanda kollha sabiex jattendu għaċ-ċelebrazzjoni tal-fidi fil-Kungress Ewkaristiku Internazzjonali ta’ Ġunju li ġej. Il-programm “Go! Be Church!” se jsir fiż-żona magħrufa bħala Chiara Luce Youth Space, u għandha l-għan li tilħaq żgħażagħ fl-eta ta’ bejn is-17 u l-25 sena. Madwar 25,000 żagħżugħ u żagħżugħa huma mistennija li jieħdu sehem fil-programm, u bi tħejjija għall-Kungress iktar minn 350 żagħżugħ u żagħżugħa mid-djoċesijiet ta’ Ulster iltaqgħu f’Tyrone l-Ħadd li għadda sabiex jiċċelebraw il-fidi bil-kant u l-mużika, gruppi ta’ ħidma u talb, f’attivita msejħa Crossroads 2012.
Ir-rwol sinifikanti li ż-żgħażagħ għandhom fil-ħajja tal-Knisja Irlandiża kienet issottolineata mill-preżenza tal-Arċisqof t’Armagh u Primat tal-Irlanda, il-Kardinal Sean Brady, li kien iċ-ċelebrant ewlieni tal-ewkaristija fl-attivita Crossroads 2012. Jikkonċelebraw mal-Kardinal Brady, kien hemm isqfijiet u delegati djoċesani oħra. L-isqof Awżiljarju ta’ Down u Connor, Donal McKeown, enfasizza r-rwol importanti tal-programm taż-żgħażagħ fit-tħejjija għall-Kungress Ewkaristiku.
“Il-50 Kungress Ewkaristiku Internazzjonali 2012 se jipprovdi opportunita ta’ darba sabiex kulħadd jieqaf u jirrifletti fuq il-ġuħ u l-għatx intern tal-bniedem għall-imħabba, l-għaqda u l-fejqan ta’Alla. L-adulti jeħtieġu jieqfu, jisimgħu u jagħtu kas taż-żgħażagħ, iktar milli ż-żgħażagħ jeħtieġu jħarsu lejn l-adulti. Hu l-mument li nirriflettu l-misteru tal-imħabba, l-ispirtu ta’ servizz u dak ta’ komunita. Hi stedina divina għalina lkoll”, qal l-Isqof McKeown.
Kull djoċesi Irlandiża hi mistiedna tressaq żgħażagħ għall-Kungress, li fi tmiem il-ġimgħa jkunu mħejjija biex imorru fid-djoċesijiet rispettivi tagħhom u jibdew programme lokali ta’ fidi.
Il-programm Youth Space ħa ismu wara l-mara ordinarja, Chiara Badano, li kienet involuta fil-Moviment tal-Fokolarini u li mietet fl-eta ta’ 18-il sena fl-1990 wara l-battalja mal-marda tal-kanċer. Għall-kwalitajiet ferm sbieħ ta’ ħbiberija u s-sensittivita għall-ħtiġijiet tal-oħrajn, speċjalment il-foqra, baqgħet magħrufa bħala Chaira Luce – għax kienet dawl għall-oħrajn. Hi kienet ibbeatifikata fl-2010.