“Il-ftehim dwar l-armi nukleari bejn l-iktar żewġ pajjiżi armati fid-dinja hu aħbar li l-Kunsill Dinji tal-Knejjes ilu jistenna għal żmien twil”. Hekk iddefinixxa t-Trattat START 2 iffirmat mill-President Amerikan Barack Obama u l-President Russu Dimitri Medvedev fi Praga, Fykse Tveit, Segretarju Ġenerali tal-Kunsill Dinji tal-Knejjes. Dan il-Kunsill jiġbor 349 knisja nisranija, inkluż dik Protestanta, Ortodossa u dik Anglikana.
It-trattat il-ġdid jieħu post it-Trattat START 1 tal-1991, iffirmat minn Gorbaciov u George Bush.
Tveit qal li “naraw dan il-ftehim bħala sinjal ċar ta’ tmexxija meħtieġa biex tissawwar il-paċi ġusta u sostenibbli fid-dinja”. Iż-żewġ gvernijiet, kompla josserva s-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill Dinji tal-Knejjes, innegozjaw tnaqqis modest fin-numru fl-għadd tal-armi tal-qerda tal-massa fid-dinja.
Intqal li jekk l-ikbar u l-iktar stati b’saħħithom fid-dinja jipprattikaw livelli ġodda ta’ trasparenza nukleari, dan żgur iwassal għal sens ġdid ta’ tmexxija. Dan minbarra sens ta’ fiduċja li twassal għal aktar tnaqqis ta’ armi nukleari.