L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Ġew id-dixxipli tiegħu bil-lejl u serquh waqt li konna reqdin”. Dan kien il-kliem li dawk li kienu għassa mal-qabar ta’ Ġesù ftiehmu li jgħidu biex jispjegaw għaliex il-qabar kien vojt, għaliex Ġesù kien sparixxa. Għamlu dan il-ftehim mal-qassisin il-kbar u max-xjuħ.
Mhux biss, imma dawn tawhom ukoll kemxa flus ġmielha, jgħid l-Evanġelju. Ma kinitx l-ewwel darba. Fil-Passjoni, huma wkoll taw 30 biċċa tal-fidda lil Ġuda biex jittradih. Hawn donnhom żiedu l-ammont biex dawn l-għassiesa jagħmlu din il-verżjoni għalfejn dal-ġisem mejjet ta’ Ġesù sparixxa mill-qabar. Kienu jemmnu dawn, mid-dehra, li kif ngħidu bil-Malti, ‘bil-flus tagħmel triq fil-baħar’, l-affarijiet isiru aktar faċli, u tikseb anke dak li m’għandekx tieħu; avolja ma kinux jemmnu wkoll dak li ngħidu aħna li ‘bil-flus ħadd ma jixtri l-ġenna’.
Innutaw, fil-fatt, ir-raġuni li ġabu. Jgħidu: “Ġew id-dixxipli tiegħu bil-lejl…” Dawn id-dixxipli tiegħu kienu dawk li kważi kollha, meta ġew għall-Passjoni u l-mewt ta’ Ġesù, ħarbu, abbandunawh, telqu għax beżgħu. Kif jista’ jkun li dawn, issa wara li Ġesù miet u difnuh, se jmorru biex ifittxu l-ġisem mejjet tiegħu meta hemm l-għases fejn il-qabar? Ġa ma tagħmilx sens.
Il-konfużjoni li turik li m’hemmx paċi fil-qalb.
Imma mbagħad jgħidu aktar. Jgħidu: “…u serquh waqt li konna reqdin”. Anke kieku serquh waqt li kienu mqajmin, il-mistoqsija kienet tkun: intom x’għassiesa intom? Ta’ xiex kontu għassa intom, jekk serquh? Imma li tgħid “waqt li konna reqdin” turi kif qed jivvintaw gidba li, fil-fatt, twaqqa’ l-ġebla fuq saqajhom. Jekk inti għassa, kif kont rieqed? Eżatt il-kontra ta’ x’suppost kont qed tagħmel meta kont għassa. Imma b’xi mod ivvintaw din ukoll biex isibu spjega għaliex il-ġisem ta’ Ġesù ma kienx hemm. Avolja din kienet kontrihom, kienet tinkrimina lilhom, imma ftiehmu mal-qassisin il-kbar u x-xjuħ kif joħorġu mill-inkwiet. Dawn qalulhom: tinkwetawx, naħsbu aħna kif noħorġukom mill-inkwiet jekk jgħidulkom xi ħaġa. Innutaw x’konfużjoni toħloq meta tipprova tgħatti dak li hu veru. Dawn in-nies ma ridux jaċċettaw lil Ġesù, lanqas issa li qam mill-mewt, imma jivvintaw storja, jaraw kif jagħmlu anke jekk ma tagħmilx sens l-istorja – proprju l-konfużjoni li turik li m’hemmx paċi fil-qalb.
Araw il-kuntrast. Ġesù, meta jiltaqa’ ma’ dawk in-nisa u d-dixxipli tiegħu, l-ewwel kelma li jgħidilhom hi: “is-sliem għalikom”. Ġesù rxoxt dejjem jagħti l-paċi tiegħu. Kull meta jidher, hekk jgħid: “is-sliem għalikom”. U jgħidilhom: “tibżgħu xejn”. Is-sliem li jagħti hu jgħin lid-dixxipli biex jegħlbu l-biża’. Din hija l-grazzja, dan huwa d-don li jagħtina Ġesù ħaj. Anke lilna, jgħinna biex ikollna l-paċi tiegħu. Meta niltaqgħu miegħu, l-ewwel ħaġa li jgħidilna hi: “is-sliem għalikom”. “Tibżgħu xejn” għax hu ħaj u lilna jimliena bil-paċi u bil-ferħ tiegħu.
Nitolbuh illum bil-kliem tas-Salm, li fil-fatt ikkwota wkoll San Pietru fid-diskors tiegħu li qrajna fl-Atti tal-Appostli, il-kliem sabiħ indirizzat lill-Mulej: “Int tgħallimni t-triq tal-ħajja. Hemm il-milja tal-ferħ quddiemek. Hemm l-għaxqa għal dejjem f’lemintek.”
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju