Id-Direttur tal-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan, il-Ġiżwita Federico Lombardi, qal fi stqarrija li s-Santa Sede laqgħet pożittivament id-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet Umani, li qalet li l-kurċifissi jistgħu jittellgħu fl-iskejjel pubbliċi fl-Italja.
Lombardi sejħilha direzzjoni ‘storika’, waqt li nnota l-oppożizzjoni wiesgħa għad-deċiżjoni tal-Qorti f’Novembru 2009, meta kien intqal li l-kurċifissi fl-iskejjel kienu affront għad-drittijiet umani. Flimkien mal-Italja, kienu ngħaqdu madwar għoxrin pajjiż kif ukoll għadd ta’ organizzazzjonijiet non-governattivi jappellaw għad-deċiżjoni tal-2009.
Patri Lombardi qal li l-aħħar deċiżjoni tirrikonoxxi li “il-kultura tad-drittijiet tal-bniedem m’għandhiex tkun f’oppożizzjoni għall-pedamenti reliġjużi taċ-ċiviliazzazzjoni Ewropea, li għaliha l-Kristjaneżmu ta kontribut importanti”.
Tkellem ukoll fuq l-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjeta, bil-qorti tirreferi għad-dmir li kull pajjiż ikun garantit marġni ta’ apprezzament għall-valur tas-simboli reliġjużi fil-kultura storika u l-identita nazzjonali.
Patri Lombardi qal li l-aħħar deċiżjoni qed tintlaqa’ b’mod mill-iktar pożittiv għax tista’ tistabbilixxi mill-ġdid sens ta’ fiduċja fl-Ewropej li huma konvinti u konxji mill-irwol deċiżiv tal-valuri nsara fl-istorja tagħhom u anki fit-tiswir tal-għaqda Ewropea u fil-kultura tal-liġi u l-liberta.