Il‑Kurja tal‑Arċisqof fi ħdan l‑Arċidjoċesi ta’ Malta saret l‑ewwel istituzzjoni reliġjuża li approvat il‑Malta Diversity and Inclusion Charter.
Imniedni minn CORE Platform u appoġġjat mill‑Kunsill Malti għas‑Settur tal‑Volontarjat, dan iċ‑charter għandu l‑għan li jippromwovi d‑diversità u l‑inklużjoni f’diversi setturi tas‑soċjetà Maltija.
Waqt l‑iffirmar, id‑Direttur tal‑Riżorsi Umani, Dr Rebecca Gatt, enfasizzat l‑importanza ta’ ambjent inklussiv fi ħdan il‑Kurja u l‑Knisja.
“Bħala Knisja nemmnu bis‑sħiħ li l‑ħolqien ta’ ambjent akkoljenti u inklussiv huwa imperattiv, mhux biss għax kull individwu għandu jingħata r‑rispett u l‑valur mistħoqq, irrispettivament mill‑ambjent minn fejn ikun ġej jew l‑identità, iżda wkoll għax jirrifletti r‑rikkezza tat‑talenti tagħna miġbura flimkien,” qalet Dr Gatt.
Bħala l‑ewwel istituzzjoni reliġjuża li approvat iċ‑charter, il‑Kurja riedet tagħti eżempju biex entitajiet reliġjużi oħra jimxu fuq l‑istess passi biex iħaddnu l‑ugwaljanza u jirrispettaw lill‑individwi kollha fuq il‑post tax‑xogħol.
Permezz ta’ din l‑inizjattiva, il‑Kurja ngħaqdet ma’ 23 firmatarju ieħor taċ‑charter, dokument formali bil‑miktub li jimpenja lill‑organizzazzjoni biex trawwem id‑diversità, l‑ekwità, u l‑inklużjoni fil‑post tax‑xogħol tagħha. Iċ‑charter iservi bħala dokument ta’ bażi li jwassal il‑valuri, l‑għanijiet u l‑istrateġiji tal‑organizzazzjoni għall‑ħolqien ta’ ambjent inklussiv u fejn dejjem qed tiżdied id‑diversità.