Fis-Sede Ċentrali tal-Azzjoni Kattolika ltqajna mal-editur tal-gazzetta Il-Leħen, Pio Dalli, li bi 52 sena t’esperjenza fil-qasam ġurnalistiku llum il-ġurnata huwa responsabbli mill-kontenut ta’ din il-gazzetta li toħroġ kull nhar ta’ Ħadd.

Dalli spjega li din gazzetta b’ispirazzjoni Kattolika u li titmexxa mill-Azzjoni Kattolika bil-għan li xxerred prinċipji etiċi, li jikkonsidraw l-viżjonijiet kollha biex jgħinu lill-qarrejja jaslu għall-konklużjoni tagħhom biss id-direzzjoni ispirata mit-tagħlim tal-Knisja.

Fiha jkun hemm artikli riċerkati, aħbarijiet, riflessjonijiet qosra għall-kuljum, kif ukoll affarijiet aktar leġġera b’interessi diversi bħal xi tisliba jew xi ċajta.

Fost l-affarijiet li hemm interessanti fiha huma l-ħsibijiet li qed tagħmel soru tal-Klarissi, dawn huma forma ta’ djalogu bejn soru u Ġesù, b’Pio jkompli jgħid li din spiritwalità ta’ kif bniedem jitkellem ma’ Ġesù, mingħajr ħafna teoloġija kbira li forsi kultant tista’ tinħass tqila żżejjed.

“Mhix gazzetta tal-anzjani, hemm ħafna żgħażagħ li huma qarrejja u ħafna oħrajn li qed jikkontribwixxu” temm jgħid l-editur.

Din għenet biex jixxerred l-ilsien Malti fi żmien li kien popolari t-Taljan

Joe Rossi eks amministratur tal-Leħen li sa minn tfulitu kien fl-Azzjoni Kattolika u għal żmien twil kien impenjat fis-Segretarjat tal-Assistenza Soċjali spjega minn fejn bdiet din il-gazzetta. Kollox beda wara l-Ewwel Gwerra Dinjija meta kien hemm ħafna ideoloġiji mifruxa u l-Arċisqof Mauro Caruana kien waqqaf ġunta djoċesana biex ixerred it-tagħlim tal-Knisja. Interessanti li dak iż-żmien il-lingwa li biha kienet titkellem u tikkomunika l-Knisja kienet bit-Taljan imma dan il-ġurnali kien bil-Malti għaldaqstant dan kien strumentali biex tixxerred il-lingwa Maltija.

Id-digriet kien ħareġ fis-17 ta’ Lulju tal-1928 u l-ewwel ħarġa kienet f’Settembru. Newsbook Malta seta’ jara l-ewwel edizzjoni u ta’ min wieħed jinnota li din hija l-eqdem gazzetta stampata f’Malta li għadha tiġi ppublikata. Fl-1932 kienet qed tesperjenza numru ta’ diffikultajiet u kienet se tagħlaq imma afdawha f’idejn l-Azzjoni Kattolika u għadha għaddejja sa llum il-ġurnata b’għadd ġmielu ta’ qarrejja u kontributuri. Ftit ta’ snin ilu nbidlilha l-isem għall-‘Il-Leħen’ – isem li jirrifletti pluraliżmu ta’ ideat u biex ma jkunx hemm interpretazzjoni t’arroganza u b’hekk jibqgħu joffru vuċi ta’ gwida.

“Is-sehem tal-voluntiera huwa kbir ħafna!”

Susanne Attard l-amministratriċi preżenti tal-Leħen qalet li l-ħidma tal-voluntiera tkun eċċezzjonali għaliex huma l-persuni li jqassmuha fid-djar lil dawk abbonati għaliex il-Leħen tista’ tasal għandek direttament. Hi spjegat li min jixtieq jabbona għaliha jista’ jiktbilhom fuq [email protected] u din tista’ tasal għandu wkoll b’mod diġitali permezz tal-indirizz elettroniku, barra li tista’ tinxtara mill-ħwienet tal-gazzetti.

Hi temmet l-intervista billi awgurat il-festi t-tajba lill-qarrejja kollha tal-Leħen u lill-qarrejja ta’ Newsbook Malta u s-segwaċi t’RTK103 li wkoll huma ispirati mit-tagħlim tal-Knisja.

Abbona għall-Leħen fuq [email protected]

Minn Gabriel Lia

Sors: Newsbook Malta