Il-messaġġ tal-Papa Benedittu XVI għall-44 Jum Dinji tal-Paċi, iċċelebrat fl-1 ta’ Jannar 2011, huwa bbażat fuq it-tema tal-liberta reliġjuża, t-triq lejn il-paċi. Din it-tema hija estremament ċentrali, speċjalment minħabba l-fatt li tolqot dimensjonijiet oħra tal-ħajja umana fis-soċjeta tal-lum. Il-Papa jaċċenna għall-importanza tal-vuċi tal-Knisja, fir-rigward tad-dritt għal-liberta reliġjuża u libertajiet oħra. Issir ukoll refernza għal dokumenti oħra tal-Knisja li jaċċennaw għal dawn il-kwistjonijiet.
Il-Papa jafferma li “l-liberta reliġjuża tesprimi x’inhu uniku dwar il-persuna umana, li jippermetti li wieħed idur b’ħajtu lejn Alla, li jimla lill-bniedem u jagħtih identita sħiħa”. Fir-riflessjonijiet tiegħu dwar it-tema tal-liberta reliġjuża, il-Kap tal-Knisja Kattolika indirizza wkoll dimensjoniiet varji tas-suġġett, fosthom id-dinjita umana, ir-relattiviżmu morali, il-familja, l-istatus li jsejjaħ speċjali tal-liberta reliġjuża, u d-djalogu bejn l-istituzzjonijiet ċivili u reliġjużi.
Il-Papa jenfasizza per eżempju, li “l-familja mwaqqfa fuq iż-żwieġ, bħala l-espressjoni ta’ għaqda viċina u kumplimentarjeta bejn ir-raġel u l-mara, issib postha bħala l-ewwel skola ta’ formazzjoni soċjali, kulturali, morali u spiritwali. Dan minbarra t-trobbija tal-ulied, li fil-ġenituri tagħhom għandhom dejjem jaraw l-ewwel xhieda ta’ ħajja bbażata fuq il-verita u l-imħabba t’Alla”, minbarra t-trasmissjoni tal-valuri reliġjużi awtentiċi.
Il-Papa jirrikonoxxi wkoll ir-rwol tar-reliġjonijiet fi-rigward tal-paċi dinjija. Barra minn hekk jaqsam ukoll mad-dinja r-riflessjonijiet tiegħu fuq id-dimensjoni pubblika tar-reliġjon, bil-kontribuzzjoni etika tar-reliġjon fl-isfera politika, b’attenzjoni għall-ġid komuni.