L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Niftakru li fir-rakkont tal-Milied, l-anġli jidhru lil grupp ta’ ragħajja. Ir-ragħajja kienu meqjusa bħala kategorija emarġinati, mhumiex rispettati, anzi mistmerra,imma l-messaġġ ta’ ferħ li tweldilna salvatur jingħad l-ewwel lilhom. Ġwanni l-Evanġelista, meta jindika min hu Ġesù, isejjaħlu ‘ħaruf’. “Araw il-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja” (Ġw 1:29).
Ġesù, f’din is-silta li għadna kemm smajna minn kapitlu 10 tal-Evanġelju ta’ San Ġwann, isejjaħ lilu nnifsu bħala ragħaj. Jassoċja ruħu ma’ kategorija partikolari, għalkemm fit-tradizzjoni orjentali, r-re wkoll kien jingħata t-titlu ta’ ‘ragħaj’. Illum kieku nagħtuh lill-president u lill-mexxejja. Il-Mulej Alla, kien ukoll jissejjaħ ‘ir-Ragħaj’. Għandna s-Salm 23: “Il-Mulej hu r-Ragħaj tiegħi” (Salm 23:1). Għax ir-ragħaj hu marbut intimament mal-merħla. Allura nifhmu li meta Ġesù juża’ dan it-titlu għalih innifsu, qed jippreżenta ruħu bħala mexxej u jgħaqqad lilu nnifsu mal-merħla; m’hemmx ragħaj mingħajr merħla, u l-merħla għandha bżonn ir-ragħaj. Fl-istess ħin huwa dan, li ma jassoċjax ruħu biss intimament ma’ min qiegħed imexxi, imma anke mal-merħla.
Meta fuq ix-xatt tal-Baħar tal-Galilija, Ġesù ried jadfa l-merħla lil Pietru, jistaqsih għal tliet darbiet: “Tħobbni int?” (Ġw 21:15,16,17). Għaliex is-sigriet tal-leadership kif jixtiequ Ġesù fil-komunità tagħna, u anke fis-soċjetà tagħna, huwa leadership mibni fuq l-imħabba. Il-Mulej stess jagħti l-kejl ta’ din l-imħabba. “Ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu” (Ġw 10:11). Biex jinsisti fuq din it-tagħlima fundamentali, jagħmel kuntrast ma’ min qed jieħu ħsieb il-merħla, imma l-merħla mhijiex tiegħu. Meta jkun hemm il-periklu jwarrab: “Jara l-lupu ġej, u jħalli n-nagħaġ u jaħrab; u l-lupu jaħtafhom u jxerridhom” (Ġw 10:12). Ġesù jgħid: “ma jħabbilx rasu min-nagħaġ” (Ġw 10:13). Dan huwa ‘l-mikri’. Il-mikri kien jaf li ser jieħu ħsieb il-merħla għall-flus. Tikri lil xi ħadd u tħallsu biex jieħu ħsieb il-merħla. Imma l-merħla mhijiex tiegħu u fil-mument tal-periklu, idabbar rasu. Ġesù jinsisti: “u ma jħabbilx rasu min-nagħaġ”.
Il-leadership li qed jipproponi Ġesù hija leadership differenti minn dik li kienu jeżerċitaw il-kbarat ta’ żmienu għaliex dawk kienu jadottaw li jimponu l-vjolenza. Fil-fatt, f’ħin minnhom, meta jitkellem fuq il-leadership mad-dixxipli tiegħu, jgħidilhom: “il-kbarat ta’ din id-dinja jħaddmu s-setgħa tagħhom fuqhom. Fostkom ma għandux ikun hekk, imma min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej ta’ kulħadd” (Mk 10:42-44). Għax li tagħti ħajtek ifisser li tkun tassew għas-servizz ta’ dak li jkun mingħajr ma tfittex l-interessi tiegħek.
Illum, quddiemna, għandna tant traġedji li huma effett ta’ awtorità li mhijiex imħaddma għas-servizz, imma għall-gwadann. Din hija traġedja kbira. Illum, fil-Ħadd tar-Ragħaj it-Tajjeb, nitolbu biex il-familja tal-Iscouts u tal-Girl Guides ikomplu jagħtuna ċittadini li jafu jagħtu ħajjithom. Li waqt li qed jikbru fis-servizz ta’ xulxin, fis-sens ta’ responsabbiltà tal-pajjiż, fis-sens ta’ tolleranza,u ta’ akkoljenza ta’ min hu differenti minna, jitgħallmu jsiru mexxejja, irġiel u nisa li jagħtu ħajjithom. Għandna bżonn nies hekk. Aħna l-Maltin ngħidu “daqs il-ħobż”. Il-politika, pereżempju, li hija l-ikbar imħabba għal kwalità, issir verament politika ta’ mħabba, kif jgħid il-Papa Franġisku fl-enċiklika tiegħu Fratelli tutti. L-imħabba għall-politika, u mħabba li ssir politika.
Ġesù jitkellem ukoll dwar ir-relazzjoni tagħna miegħu. Jiena nissuġerixxi, waqt li nirringrazzjakom li għażiltu li tiċċelebraw b’quddiesa St George’s Day, li aħna nidħlu f’relazzjoni personali ma’ Ġesù.
“Jiena nagħraf in-nagħaġ tiegħi, u n-nagħaġ tiegħi jagħrfu lili” (Ġw 10:14). Il-verb ‘tagħraf’ huwa li tidħol f’intimità ma’ xi ħadd. Mela Ġesù għandu l-għatx li jidħol f’intimità magħna, jekk aħna ma ngħaddux mill-bieb. Ikun ta’ faraġ u qawwa għalina li nsiru nafu lil Missier. Wara kollox, din hija l-għażla li tkun Nisrani: li inti tidħol f’relazzjoni partikolari ta’ mħabba ma’ Ġesù, li hu r-ragħaj it-tajjeb li ta ħajtu għalina. Ġesù jitkellem mill-għotja libera. Li tagħti ħajtek, hija għotja ta’ libertà, u trid tkun ukoll għotja mingħajr ħadd ma jġiegħlek.
Għalhekk, nirringrazzja u fl-istess ħin inħeġġiġkom biex fil-familja tal-Iscouts u tal-Girl Guides, iċ-ċittadini, mhux biss futuri imma anke preżenti, jitgħallmu jeżerċitaw il-libertà tagħhom, mhux biex nagħmel li rrid jew ma jindaħalli ħadd. Nifhem lid-dixxiplina li nitgħallmu għandha għan differenti: li jiena nikber fil-libertà li nkun ta’ servizz. Jekk il-libertà tiegħi tixxekkel mir-regħba, mill-vjolenza, mill-għira u mill-ħażen, ma nkunx iżjed liberu. Il-libertà tassew hi ta’ min jagħżel it-tajjeb, għax irid b’għażla konvinta, u jagħti ħajtu bil-ferħ.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 4:8-12
Salm: 117(118):1,8-9,21-23,26,28ċd,29
Qari II: 1 Ġw 3:1-2
Evanġelju: Ġw 10:11-18