L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Qegħdin lejlet il-Ġublew tal-2025 fil-festa tal-Madonna tal-Karmnu tal-2024, tħares lejn dak il-jum tal-24 ta’ Diċembru meta l-Papa Franġisku jiftaħ l-ewwel bieb qaddis ġewwa il-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan f’Diċembru 2024, u jiftaħ il-Ġublew Qaddis tas-sena 2025. Aħna l-Insara niċċelebraw 2025 sena mit-twelid ta’ Sidna Ġesù Iben Marija.
U l-Papa Franġisku jixtieq li l-Ġublew jekk inħarsu lejh, bħal-lum sena nkunu diġà fil-qalba tal-Ġublew, inħarsu lejh bħala pellegrini tat-tama, nies li qegħdin f’mixja u li aħna għandna tama qawwija, li hi ċerta, li ma tingannaniex.
First of all I would like to greet our English-speaking guests: thank you for being with us here for the solemnity of Our Lady of Mount Carmel, thank you for your presence. Do enjoy our hospitality, do enjoy our festa. After the festa you can also go to a lovely concert outside Valletta.
U jiena xtaqt li naħsbu ftit u noffri ħsieb qasir – għax daqt toħroġ il-purċissjoni – fuq l-ewwel kliem li ngħidu fit-talba sabiħa tas-Salve Reġina, x’ngħidulha? “Sliema għalik Sultana, Omm tal-ħniena, ħajja ħlewwa, tama tagħna, sliem għalik’’. U allura aħna u nippreparaw għall- Ġublew tal-2025, din is-sena ta’ ħniena speċjali li fiha aħna nieħdu sehem minn dak kollu li l-knisja toffri, mhux biss għall-maħfra ta’ dnubietna, imma għat-tpattija ta’ dnubietna, u ngħixu b’mod sabiħ ix-xirka tal-qaddisin.
Aħna nħarsu lejn Ommna Marija Sultana tagħna, ħlewwa u tama tagħna, Spes Nostra.
We look at our Lady on the vigil and eve of the Jubilee of 2025 as our sweet hope, our sweetness, our hope.
Ejjew nitolbu lill-Madonna li hi tkun tassew it-tama tagħna fil-mumenti meta nħossuna li se naqtgħu qalbna jew għandna bżonn l-għajnuna tal-Mulej inħarsu lejha, lejn l-Omm. Jekk nieħdu l-eżempju tat-tieġ ta’ Kana, hi indunat li l-għarejjes kien jonqoshom l-inbid, interċediet għalihom ma’ binha Ġesù, u hu wera l-qawwa u l-glorja tiegħu.
Imma għal binha stess kienet ukoll ta’ sostenn ħdejn is-salib tiegħu. L-Evanġelju li naqraw f’din is-solennità jfakkarna fl-omm li ma tabbandunax lil Binha anke fil-mument ta’ diffikultà l-iżjed kbira, waqt l-umiljazzjoni l-iżjed ħarxa, hi tibqa’ dik l-omm preżenti f’kull mument.
Ejjew inħarsu lejn Sidtna Marija taħt it-titlu tal-Karmelu, u niftakru fil-muntanja tal-Karmelu, il-ġmiel tal-Karmelu għax hu xhud ta’ sfida li l-profeta Elija għamel lill-poplu meta staqsihom iridux ikunu ma’ Alla veru jew mal-allat foloz tal-Bagħlin, li huma l-allat foloz ta’ din id-dinja.
Il-għolja tal-Karmelu ssir xhud tal-għażla li għamel il-poplu ta’ Iżrael: “Aħna nsegwu lil Alla ħaj u veru.” U Sidtna Marija tridna nagħmlu din l-għażla, din l-għażla tas-sewwa, tal-ħelsien tassew, tat-tjubija, tal-ħlewwa, tal-maħfra, tar-rikonċiljazzjoni. Ejjew inħarsu lejha, lejn l-omm u nitolbuha tkun it-tama tagħna.
Sliem għalik Sultana, omm tal-ħniena, ħajja, ħelwa u tama tagħna, sliem għalik.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Slat 18:42b-45a
Salm: Salm 14:1-4
Qari II: Żakk 2:14-17
L-Evanġelju: Ġw 19:25-27