-
-
L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Il-Katidral ta’ San Pawl, l-Imdina
14 ta’ Awwissu, 2019“Fejn hi, ja mewt, in-niggieża tiegħek?” (1 Kor 15:55). Il-mistoqsija li għamel l-Appostlu Missierna San Pawl fl-Ittra lill-Korintin għandha diversi tweġibiet, li jagħtihomlna l-istess Pawlu: “in-niggieża tal-mewt hi d-dnub” (1 Kor 15:56). Aħna ħafna drabi niġu affaċċjati bid-dnub tagħna, bid-difetti tagħna, bin-nuqqasijiet tagħna, bil-mard tagħna u meta nkunu weħidna quddiem il-mera tal-verità, dawn l-affarijiet iniggżuna u jumiljawna.
Illum inħarsu lejn Marija biex nintrefgħu mill-umiljazzjoni tagħna li hija mistħoqqha u qalbna timtela bit-tama. Għaliex jekk in-niggieża tal-mewt, in-niggieża li tfakkarna li aħna qegħdin hawn għal erbat ijiem, li aħna m’aħna xejn, li aħna dgħajfin, jekk in-niggieża tal-mewt hi qawwija, daqshekk hi qawwija r-rebħa li tana Alla permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu.
“Fejn hi, ja mewt, ir-rebħa tiegħek? Fejn hi, ja mewt in-niggieża tiegħek?” (1 Kor 15:55). Niftakru li anke l-Appostlu Missierna jitkellem dwar niggieża, xewka li l-Mulej jippermettilu li tfixklu, tumiljah kontinwament, anzi jsejħilha messaġġiera tax-xitan. U l-Kelma ta’ Alla meta l-appostlu talab lil Alla bil-ħniena, neħħihieli din ix-xewka, din in-niggieża, “Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi” (2 Kor 12: 9).
U aħna li nafu li għandna mmutu – bħalma jgħidu, hemm żewġ affarijiet żguri fil-ħajja: it-taxxa u l-mewt, dawk żgur – aħna nafu li għandna mmutu. Illum inħarsu lejn il-Madonna li tiftħilna tieqa fuq l-eternità. ‘Wasalt jien, qed insejħilkom, pajjiżkom fejn qiegħda jien, is-sema’. U allura s-Salm Responsorjali li għadna kemm kantajna llejla, illum għandu sinifikat qawwi ħafna. “Qum, u ejja, Mulej, lejn il-mistrieħ tiegħek, int u l-arka tal-qawwa tiegħek” (Salm 131 (132):8). “Qum, Mulej,” donnu l-Knisja qiegħda tfakkar il-qawmien tal-Mulej; qum Mulej imma mhux waħdek “int u l-arka” Min hi l-arka? Lil min insejħu l-arka tal-patt il-ġdid fil-Litanija tal-Madonna? Lill-Madonna!
Is-sensi kollha tal-Madonna huma qaddisa għax imqaddsa fil-misteru tal-ħarsien tagħha mid-dnub oriġinali
Din il-frażi mis-Salm illum tfakkarna li l-Iben illum qiegħed jagħti lil ommu, lill-arka tal-patt il-ġdid, dan id-don sabiħ tal-qawmien mill-imwiet. Għaliex dan huwa dak li qegħdin niċċelebraw: l-irxoxt tal-Madonna. Tgħiduli: ‘x’differenza hemm bejn l-irxoxt tal-Iben u l-irxoxt tal-omm? L-irxoxt tal-Iben bil-qawwa tiegħu stess, l-irxoxt tal-omm bil-qawwa tal-Iben. Hemm differenza kbira għaliex hi omm Alla imma t-tifel huwa iben Alla. Imma għażilha biex ikollha l-istess destin li kellu hu għaliex ġufha ġarru, sidirha reddgħu bħalma qalet dik il-mara, u widnejha semgħu l-kelma u qalbha u ruħha aċċettawha l-kelma. Is-sensi kollha tal-Madonna huma qaddisa għax imqaddsa fil-misteru tal-ħarsien tagħha mid-dnub oriġinali imma anke bil-qdusija tagħha li tgħid: ‘iva’. “Mulej, qum, int u llum l-arka tal-qawwa tiegħek”.
Il-Madonna veru llum mhix biss l-arka tal-patt il-ġdid imma hija l-arka tal-qawwa tal-Mulej, hija sinjal għalina li dak li wiegħed Alla, iseħħ. Aħna li nirtogħdu, nitwerwru quddiem in-niggieża tal-mewt li hija d-dnub, nintrefgħu fi qlubna, f’ruħna u fi ħsibijietna meta nħarsu lejn il-Madonna. Il-kelma tagħha hi “l-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien” (Lq 1:50). Dik hi l-qawwa ta’ Alla: il-ħniena tiegħu.
U llum bir-raġun nifirħu fl-Għid tal-Assunta għax aħna li mtaqqlin bil-mard, bl-għejja, bid-dgħufija u bid-dnub, nittamaw fir-rebħa li tana Alla permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu, li llum tiddi fil-mamà tiegħu, Marija Assunta.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta -
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: 1 Kron 15, 3-4.15-16; 16,1-2
Salm: 131, 6-7.9-10.13-14
Qari II: 1 Kor 15, 54-57
Evanġelju: Lq 11, 27-28 -
-