Għażiż Arċipriet,
Onorevoli Ministru, Parlamentari, Rispettabbli Sindku,
Saċerdoti, Ħuti, Poplu għażiż tal-Mellieħa u anki tant Professjonisti li ħadmu f’dan il-proġett għażiż.
Jiena nħossni ħafna kommoss għax inħoss verament li lum, frott anke l-ġenerożita’ tal-poplu għażiż tal-Mellieħa, qed tinkiteb paġna importanti ħafna, mhux biss fl-istorja ta’ dan is-Santwarju, imma anke fl-istorja tal-Knisja f’Malta. Dan għaliex l-iskoperta li l-ikona tal-Madonna tal-Mellieħa hija dik tal-Madonna li turina lil Binha Ġesù bħala ‘it-Triq’. Dan għandu sinjifikat antik, imma wkoll sinjifikat urġentament attwali.
Kultant inħossuna qed nitilfu t-triq, biex ma ngħidx qed nitilfu l-boxxla, il-kumpass, id-direzzjoni. Il-Madonna tal-Mellieħa, kif għamlet matul is-sekli tkompli b’insistenza, imma bi ħlewwa kbira, tindikalna l-unika Triq, lil Ġesù. Il-kelma ‘triq’ ma tfissirx biss il-Mulej, li qal “Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja” (Ġw 14:6), għax it-titlu ‘Triq’ ġej mill-kliem tiegħu stess.
L-Ewwel Insara, meta kienu jfissru l-esperjenza tagħhom li sabu lil Ġesù f’ħajjithom, kienu jsejħu l-esperjenza tagħhom bħala ‘It-Triq’ hodos, għalhekk hodegetria – qed tindika l-hodos, it-triq. Din hija skoperta tal-aħħar mument imma urġenti, li aħna nerġgħu niskopru li biex ma nintilfux irridu nħarsu lejn Ġesu it-‘Triq’ tagħna, “It-Triq, il-Verita u l-Ħajja”.
Ippermettuli l-aħħar kumment. Jimmy, l-espert storiku qalilna l-ikbar ex-voto li hawn, l-ark trijonfali hemm miktub silta mis-Salm 22, “fik ittamaw missirijietna, fik ittamaw u inti ħlisthom” (Salm 22:5). Illum lilkom ngħidilkom, il-Madonna afdat lilha nnifisha fix-xbieha tagħha lilkom, u intom salvajtuha. Grazzi f’isimha. Il-Mulej iberikkom.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta