• L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

     


  • Il-Knisja Parrokkjali, l-Imġarr

    8 ta’ Diċembru 2018

    “Għażilna fih sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja biex inkunu qaddisa u bla tebgħa quddiemu fl-imħabba” (Efes 1:4). Dan il-kliem tal-Appostlu Missierna San Pawl lill-Efesin jiġbor fih il-vokazzjoni tagħna bħala poplu li aħna lkoll il-familja ta’ Ġesù. Il-Missier Alla li huwa mħabba għażilna u għażilna f’Ġesù, għażilna fi Kristu u għażilna sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja. Meta ħaseb fina, ħaseb li aħna nkunu “qaddisa u bla tebgħa quddiemu”. Il-mezz kif inkunu qaddisa u bla tebgħa quddiemu hija l-imħabba. Sejħilna u għallimna biex “inkunu qaddisa bla tebgħa quddiemu fl-imħabba”. 

    Hu li huwa bla dnub, kien hemm bżonn li jitnissel minn mara bla dnub.

    Illum qegħdin niċċelebraw b’mod speċjali l-vokazzjoni ta’ Marija ta’ Nazaret li tkun l-għamara tal-Mulej Ġesù. It-talba tal-Knisja llum tirringrazzja u tfaħħar lill-Mulej talli fit-tnissil bla tebgħa tal-Verġni Mqaddsa Marija, huwa ħejja għamara xierqa għal ibnu. Dan huwa s-sens tal-misteru kbir li qegħdin niċċelebraw: li kien hemm bżonn li l-iben isir bniedem u l-Mulej Alla ried isiblu għamara li tixraqlu. Hu li huwa bla dnub, kien hemm bżonn li jitnissel minn mara bla dnub. Imma kif jista’ jkun jekk fl-Ewwel Qari qrajna li aħna lkoll mit-tnissil tagħna mċappsin mad-dnub? Aħna lkoll mit-tnissil tagħna nġarrbu l-ġerħat tad-dnub tan-nisel.    

    Lilna l-Mulej ħelisna mid-dnub; lil ommu ħarisha mid-dnub.

    Il-Mulej, li kif jgħid l-anġlu lil Marija: “għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir” (Lq1:37), iħares lejn is-salvazzjoni li se jġib l-iben magħmul bniedem u permezz tal-qawwa li tiżboq iż-żminijiet, permezzz tal-qawwa tal-imħabba li tiżboq anke l-ispazju u s-sekli, qawwa tas-salvazzjoni u ħelsien, iħares lil omm ibnu minn kull tebgħa tad-dnub.   

    Lilna l-Mulej ħelisna mid-dnub; lil ommu ħarisha mid-dnub. Il-Mulej għamel, u hekk kien jixraq, li omm ta’ Ġesù, Marija ta’ Nazaret, ma tkun imċappsa bl-ebda dnub. Aħna meħlusa mid-dnub u nafu li kontinwament għandna bżonn il-ħelsien. Konna meħlusa minn dan id-dnub fil-Magħmudija, meta aħna sirna ħaġa waħda mal-familja ta’ Ġesù, aħwa tiegħu, u sirna Nsara. Inkunu meħlusa minn dan id-dnub permezz tal-qrar; il-Mulej kontinwament jagħtina l-opportunità li nitnaddfu mid-dnubiet li nagħmlu ta’ bnedmin dgħajfa li aħna.    

    Imma jekk intom hawnhekk fil-15 ta’ Awwissu u anke fil-ġranet ta’ wara, b’ferħ u b’solennità kbira tfakkru li Marija Mtellgħa s-Sema, li Marija meħlusa mit-taħsir tal-qabar, illum nifirħu fit-tnissil bla tebgħa tagħha u li permezz tiegħu ġiet imnissla għamara xierqa għal Ġesù. Minħabba t-tnissil bla tebgħa tagħha hi lanqas ma kien jixirqilha tara t-taħsir tal-mewt. B’xi mod din il-festa tħares lejn il-festa li nagħmlu fl-Assunta għaliex huma ż-żewġ mumenti meta l-ħniena ta’ Alla tintervjeni direttament fil-ħajja tal-Madonna: fit-tnissil tagħha għal din il-ħajja u fit-tnissil tagħha għall-ħajja tal-qawmien. Hi li kienet għamara bla tebgħa, tiġi mħarsa wkoll mit-taħsir tal-qabar. 

    Konkretament l-imħabba tfisser għaqda komunjoni, li naħdmu flimkien, li nagħdru lil xulxin, li naħfru lil xulxin, anke lil minn xi darba għamlilna l-ħsara.

    Għażiż Kappillan, int imsejjaħ tkun ragħaj, int imsejjaħ tagħti ħajtek lil din il-komunità li hija mbierka bl-isem qaddis tal-Assunta. Qed tibda l-parrokat tiegħek b’mod uffiċjali fil-preżenza ta’ ħutek is-saċerdoti b’ħafna minnhom ulied dan ir-raħal għażiż. Għażiż Kappillan, qed tibda l-parrokat tiegħek fil-festa tat-tnissil bla tebgħa ta’ Marija. Kif hi bdiet ħajjitha fuq din l-art, hekk ukoll inti tibda l-ħajja tiegħek bħala kappillan. Lilha ħarisha mid-dnub u lilek jeħilsek kontinwament mid-dnub. Hi ġiet imħarsa mid-dnub bil-qawwa tal-ħniena u s-salvazzjoni ta’ binha, li l-Mulej ra u ħelisha minn qabel. Inti, għażiż Kappillan, kun kontinwament midjun mal-ħniena li jrid iwassallek Ġesù. Iżjed ma tixtarr f’ħajtek dwar kemm Alla jħobbok u jħenn għalik, tkun tista’ twassal l-imħabba tiegħu u l-ħniena tiegħu lil dan il-poplu għażiż afdat f’idejk.     

    Bil-ħajja u bl-eżempju tiegħek fakkar lil dan il-poplu tal-Imġarr li aħna magħżulin fi Kristu biex inkunu “qaddisa u bla tebgħa quddiemu fl-imħabba”. Konkretament l-imħabba tfisser għaqda komunjoni, li naħdmu flimkien, li nagħdru lil xulxin, li naħfru lil xulxin, anke lil minn xi darba għamlilna l-ħsara. L-imħabba tfisser li tagħti ħajtek. Inti msejjaħ tkun “qaddis u bla tebgħa” quddiem il-Mulej u quddiem il-poplu tiegħu bl-imħabba bla tarf.  

    Fil-merħla tiegħu aħna rridu naħdmu għall-glorja tiegħu u mhux għall-glorja tagħna.

    Ftakar dejjem li r-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għall-merħla tiegħu. Infakkrek f’dak li Ġesù jgħid lil Pietru u lilna r-ragħajja permezz tiegħu, meta jistaqsih: “Tħobbni int?” (Ġw 21:16). Il-Mulej Ġesù qed jagħmel din il-mistoqsija lilek ukoll. U jekk ikollok tiddjaloga ma’ ommu Marija, hi se tagħmillek l-istess mistoqsija: ‘Tħobbu lil ibni, int?’. U inti magħna, ragħajja dgħajfa u midinbin, lill-Mulej se tgħidlu: ‘Mulej inti taf, inti taf, inti taf li nħobbok’. U r-risposta tiegħu se tkun risposta ta’ fiduċja: “Irgħa l-ħrief, irgħa n-nagħaġ tiegħi” (Ġw 21:17).

    Ftakar Dun George, il-merħla mhijiex tagħna imma hija ta’ Ġesù. Aħna nkunu ragħajja skont qalbu jekk fil-merħla tiegħu naqdu lilu u mhux lilna, jekk fil-merħla tiegħu nħobbu lilu u mhux lilna nfusna. Fil-merħla tiegħu aħna rridu naħdmu għall-glorja tiegħu u mhux għall-glorja tagħna. Il-Mulej isaffi l-qalb ġeneruża u żagħżugħa tiegħek biex fuq tant eżempji sbieħ ta’ ragħajja li kienu hawn u taw ħajjithom hawn qablek, inti tkun l-glorja mhux biss tal-kleru Malti imma grazzja kbira għall-poplu kollu tal-Imġarr. Fil-preżenza tiegħu, ippermettili, għażiż Dun George, nirringrazzja lil Mons. Kalċidon taż-żewġ parrokati li għamel f’din il-parroċċa. Il-Mulej ikun hu l-ħlas tiegħek, għażiż Dun Kalċ. U inti, Dun George, ħu ħsieb mhux biss tiegħek innifsek imma ta’ din il-familja li l-Mulej qed jafdaha f’idejk bħalma qiegħed jaħtar lilek ukoll f’idejn din il-familja sabiħa.

    ✠ Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta

     

  •  

  • Ritratti: knisja.mt/ritratti