-
-
Din is-sena, il-Ġurnata Missjunarja qed tiġi ċċelebrata fix-xahar ta’ Ottubru meta l-isqfijiet ta’ madwar id-dinja jinsabu miġburin fil-Vatikan mal-Papa Franġisku jitolbu u jiddixxernu dwar tema importanti ħafna: iż-żgħażagħ, il-vokazzjonijiet u d-dixxerniment.
Nixtieq li l-messaġġ tiegħi għal din il-ġurnata missjunarja ta’ din is-sena jkun maqgħud ma’ din l-esperjenza ekkleżjali qawwija. Il-Papa stess fil-messaġġ li offra għal din il-ġurnata missjunarja jfakkar li ż-żgħażagħ huma wkoll imsejħa għall-vokazzjoni missjunarja fl-ambjent tagħhom: fl-ambjent tal-istudju, tad-divertiment, tal-arti u tal-kultura. Iż-żgħażagħ iridu jkunu missjunarji tal-ferħ tal-Evanġelju, missjunarji tas-safa li jirrispettaw wieħed lill-ieħor, missjunarji tal-ġustizzja soċjali, missjunarji tal-imħabba lejn il-fqir.
It-talba tiegħi hija li iżjed żgħażagħ jitqanqlu bl-ispirtu ta’ ġenerożità u wara li jkunu għamlu esperjenzi qosra ta’ volontarjat f’artijiet tal-missjoni jitħajru jagħtu ħajjithom biex il-ferħ tal-Evanġelju jixxandar madwar id-dinja.
Fl-istess ħin nixtieq li f’din il-ġurnata missjunarja aħna l-membri tad-djoċesi f’Malta nitolbu ħafna għall-vokazzjonijiet missjunarji. Għandna tradizzjoni sabiħa kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex ta’ saċerdoti, reliġjużi, u anke ta’ lajċi li jitilqu kollox biex imorru f’artijiet u ambjenti missjunarji biex ixandru l-ferħ tal-Evanġelju. Hija tradizzjoni li tagħmlilna ġieħ u li hemm bżonn tkompli.
It-talba tiegħi hija li iżjed żgħażagħ jitqanqlu bl-ispirtu ta’ ġenerożità u wara li jkunu għamlu esperjenzi qosra ta’ volontarjat f’artijiet tal-missjoni jitħajru jagħtu ħajjithom biex il-ferħ tal-Evanġelju jixxandar madwar id-dinja.
Il-vokazzjoni missjunarja mhix vokazzjoni faċli imma hija vokazzjoni li tagħti ferħ qaddis u qawwi, li tagħti barka lill-familji tal-missjunarji tagħna. Kull meta ltqajt ma’ komunitajiet li kellhom missjunarju Malti jieħu ħsiebhom għal diversi snin, indunajt bl-effett sabiħ tal-ħidma tal-missjunarji reliġjużi, djoċesani, sorijiet u anke katekisti tagħna bħalma huma s-soċji tal-M.U.S.E.U.M. imma wkoll diversi lajċi impenjati oħra fil-missjoni.
Nitolbu biex dan l-ispirtu li ħalla fostna l-Appostlu Missierna San Pawl ikollu futur u jkompli jkun ta’ ġieħ għall-Knisja f’Malta u Għawdex.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta