Konkatidral S. Ġwann
28 ta’ Marzu 2013
Ħuti, aħna ġejna flimkien biex niċċelebraw dak li sar elfejn sena ilu, jiġifieri t-twaqqif tal-Ewkaristija minn Sidna Ġesù Kristu. Aħna fl-ewwel lezzjoni diġa rajna tifkira oħra għaliex fl’Antik Testment il-Lhud li għadhom sal-lum jiċċelebraw il-festa tal-Għid billi joqtlu ħaruf u jiekluh bħala familja flimkien. U waqt din iċ-ċeremonja kollha Sidna Ġesù Kristu iwaqqaf l-Ewkaristija u dik it-tifkira jagħmilha xi ħaġa li hija preżenti għalina llum. Mhijiex biss tifkira tal-imgħoddi kif kienet għall-Lhud meta huma kienu ħarbu mid-deżert, imma hija preżenza reali ta’ Sidna Ġesù Kristu. Tant hu qawwi dan id-don, li l-Mulej tahom l-Ewkaristija qabel ma huwa miet, bejn wieħed u ieħor ġurnata qabel.
U allura nidħlu fil-misteru: kif jista’ jkun li Ġesù tahom l-Ewkarisija li tfakkar il-mewt tiegħu qabel ma seħħet? Dan huwa il-misteru kbir, l-ewwelnett tal-mewt u l-qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu. Dejjem ftakru, ħuti, li dak li kien hemm fuq is-salib kien Alla u bniedem. Għax kien bniedem, dan kollu seħħ fiż-żmien; għandna l-ġurnata, għandna l-post, nafu meta seħħ. Imma għaliex dak il-bniedem kien ukoll Alla, l-grazzja li ħarġet minnu minn fuq is-salib kienet tiżboq il-post u ż-żmien u hija kemm għal dawk li marru qabel Ġesu`, kif ukoll għal dawk bħalna li ġejna wara l-Mulej Ġesù. Minnu ħarġet grazzja eterna fuq l-umanita` kollha.
Naħseb li nistgħu nispjegawha hekk: Alla l-imbierek ried li verament l-appostli iduqu l-Ewkaristija minn idejn Ġesù. Ġesù erbgħa u għoxrin siegħa qabel ma miet, l-appostli kienu hemm għal dik l-Ewkaristija; qabel ma miet Ġesù tahom dik il-grazzja li ħarġet mill-mewt u l-qawmien tiegħu. Dan huwa l-misteru li aħna llum qegħdin niċċelebraw; hija l-qawwa kbira li ħarġet minn dan il-misteru kbir tal-mewt u qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu.
X’kien hemm differenti mill-ewwel lezzjoni li hija tifkira tal-Għid tal-Lhud, u t-tieni leżżjoni fejn S. Pawl li qiegħed jirrakonta l-Ewkaristija? Naħseb li hemm erba’ affarijiet, li tajjeb li aħna niftakruhom mhux għal-lum biss, imma kull meta niġu għall- Ewkaristija. Tal-anqas nippruvaw niftakru xi ħaġa minnhom biex nippruvaw ngħixuhom.
Tifkira
L-ewwelnett l-Ewkaristija kienet it-tifkira tal-mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu. S. Pawl qalilna fit-tieni lezzjoni tal-lum (1Kor 11, 23-26) li huma riedu ifakkru l-mewt il-qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu wara li qam mill-mewt. Mela l-ewwel kelma sinifikattiva hija ‘tifkira’. L-ebda Ewkaristija li ssir fid-dinja ma tista’ tkun mifruda minn dan il-misteru kollu jiġifieri l-mewt u l-qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu.
Preżenza
It-tieni kelma hija preżenza, għaliex Sidna Ġesù Kristu jgħidilhom lill-appostli tiegħu mdawrin madwaru waqt li kienu qegħdin jieklu fl-aħħar ċena: “Dan huwa ġismi”, mhux din hija l-grazzja tal-ġisem tiegħi, imma “Dan huwa ġismi, dan huwa demmi!” Għalhekkk din il-preżenza ta’ Sidna Ġesù Kristu hija parti importantissma minn dak li nemmnu aħna, jigifieri li fl-Ewkaristija hemm il-preżenza reali ta’ Sidna Ġesù Kristu. Għalhekk minn hawn u fitt ieħor, wara l-Konsagrazzjoni ewkaristika, aħna ser nieħdu l-Ewkaristija aħna se npoġġu lil Mulej fl-altar tar-repożizzjoni biex tkun tista’ issir l-adorazzjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu li jkun hemm preżenti realment.
Attitudni
It-tielet kelma li aħna rridu nitgħallmu llum hija l-attitudni. Sidna Ġesù Kristu, kif stajtu tindunaw mill-Vanġelu tal-lum, ma jsemmi l-ebda attitudni ħlief waħda, jiġifieri li aħna naħslu riġlejn xulxin. X’miraklu kbir! Mhux ta’ b’xejn San Pietru ma ridtx: ‘jien quddiemek, Mulej? Ma nħallikx li taħsilli riġlejja’. U San Pietru ma fehemx waħda mill-affarijiet fundamentali tal-fidi tagħna li kull wieħed u waħda minna fih hemm il-preżenza ta’ Alla l-Imbierek li ħalaqna lkoll u xejn minn dak li nagħmlu ma jista’ jneħħilna din id-dinjita` li aħna wlied Alla l-Imbierek. Kieku Sidna Ġesù Kristu qal lil Pietru: aħsilli riġlejja, kien jaħsililu qisu mhu xejn, għax dak hu Alla. Imma meta San Pietru ra lil Sidna Ġesù Kristu nnifsu jaħasel riġlejn l-appostli, kien diffiċli għalih li jemmen li aħna lkoll qegħdin fil-qalb ta’ Alla li tant iħobbna. Minn hawn u ftit ieħor meta nkun qed naħsel ir-riġlejn ta’ dawn l-aħwa li qegħdin hawnhekk jiena nkun qed nuri quddiem kulħadd li jiena nemmen u nemmen bil-qalb fid-dinjita` tagħhom bħala xbieha ta Alla, u għalekk lest li naqdihom. Dak huwa t-tifsir ta’ dak li aħna se niċċelebraw minn hawn u ftit ieħor.
Futur
U l-aħħar ħaġa li qalilna Sidna Ġesù Kristu, permezz ta’ San Pawl hu: ‘intom tiċċelebraw dan il-misteru sa’ ma jiġi’. Jiġifieri dan il-misteru għandu futur. Dan il-misteru ma ngħixuhx illum biss, imma fih innifsu ikun qiegħed jibnilna futur flimkien u ħdejn Sidna Ġesù Kristu. Dak huwa l-futur li aħna nkunu qed nibnu; mhijiex tifkira biss, mhijiex twettiq issa biss, imma hija futur li Alla l-Imbierek ikun qed jibni fina.
Nerġa nfakkarkom qabel ma nispiċċa din l-omelija f’dawn l-erbgħa kelmiet li jien għidtilkom. Hija tifkira ta’ dak li għamel Ġesù, hija preżenza reali tal-Mulej li qiegħed fostna, hija l-attitudni tagħna li rridu nħobbu. Sidna Ġesù Kristu l-attitudni li wriena hi li nħobbu lil xulxin qabel ma nħobbu lil Alla l-Imbierek! Din hija l-kundizzjoni tal-Ewkaristija. U l-aħħar waħda: l-Ewkaristija tagħtina l-futur. Kemm hu sabih li aħna fil-ħajja tagħna jkollna dan il-pjan: Mulej jien irrid nibni l-futur tiegħi miegħek; tajtna l-Ewkaristija allura l-Ewkaristija jiena se ngħixha Mulej, se nieħu sehem fiha biex hekk inkun qiegħed nibni l-pjan tal-futur tiegħi bħala bniedem, li jemmen fik.
✠ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta
Ritratt: Photocity, Valletta