Katidral ta’ San Pawl l-Imdina
16 ta’ Settembru 2012
Aħna lkoll nemmnu f’Alla u hemm ħafna nies ta’ reliġjonijiet oħrajn li jemmnu wkoll f’Alla. Id-differenza kbira li hemm bejn dawn iż-żewġ twemminiet hija li Alla tar-reliġjonijiet l-oħrajn jispiċċa tajjeb; Alla tar-reliġjon tagħna, Sidna Ġesu Kristu, jispiċċa ħazin għaliex isalbuh.
Allura nistgħu nippruvaw nimmaġinaw daqsxejn l-ewwel komunita nisranija tara lil Kristu miet u ma tafx kif se tagħtih ġieħ. Lil wieħed mejjet kif se tagħtih ġieħ? Allura l-ewwel żewġ espożizzjonijiet tal-qima lil Alla l-Imbierek, fil-bidu tal-Knisja, kienet jew il-martirju: wieħed jagħti ħajtu kollha kemm hi bħalma Kristu ta ħajtu kollha kemm hi, jew inkella mill-bidunett tal-Knisja, bdew jitħajru xebbiet, u anke ġuvintur kien hemm, li dawn offrew ħajjithom – mela mhux ħajja ta’ mewt, ħajja ta’ ħajja – offrew ħajjithom bħala verġni konsagrati ħalli jkunu jistgħu iservu lill- Knisja.
Din id-drawwa tal-Knisja damet għal ħafna snin. Imbagħad kienet inqatgħet sakemm ġie l-Konċilju Vatikan II u ried li din terġa tidħol fil-Knisja, ikun hawn ukoll il-verġni konsagrati, reġa daħħal fil-Knisja l-Ordo Virginum. U dan l-Ordo Virginum jikkonsisti f’żewġ affarijiet prinċipali. Mhuwiex ikkomplikat ħlief biex tgħixu. L-ewwelnett hija s-sejħa t’Alla. Jekk Alla ma jsejjaħx, għalxejn wieħed ikun irid jidħol għaliex qalbu ma tkunx imbierka mis-sejħa t’Alla u min-naħa l-oħra ikun hemm dak li l-Mulej għażlu bħala kandidat u jgħid: “Iva, Mulej, jiena nixtieq inkun ikkonsagrat lilek għal ħajti kollha, ikkonsagrat lilek għal ħajti kollha”. U din hi l-wegħda li se jagħmlu llum Anne u Kathleen: se jwegħdu ħajjithom fil verġinita lil Alla l-Imbierek għal ħajjithom kollha.
Imma xieraq li aħna naraw ftit it-tlett lezzjonijiet li ntgħażlu, mhux jien għażilthom, it-tlett lezzjonijiet li smajna llum x’jgħallmuna fuq dak li aħna qegħdin niċċelebraw illum.
Nibdew mill-ewwel Lezzjoni meħuda mill-Profeta Isaija li jitkellem fuq l-imħabba, imma jitkellem ukoll fuq it-tbatija. U allura dik l-imħabba li permezz tagħha l-membri tal-Ordo Virgimun se jitgħarrsu mal-Mulej Ġesu, mihiex l-imħabba kif nifmuha aħna f’din id-dinja. Hi l-istess imħabba li hu ħabbna biha u allura t-tweġiba tagħna trid tkun tweġiba li hija miftuha li tmur wara l-Mulej u tħobbu anke meta hemm it-tbatija. Dik hija verament l-għotja li llum Kathleen u Anne se jagħmlu lil Mulej.
Fit-tieni lezzjoni tal-lum aħna kellna silta li tagħtina daqsxejn ta’ lezzjoni oħra għaliex S. Ġakbu jgħid: u billi jiġi xi ħadd għandek u jkollu bżonn l-għajnuna u inti minflok tgħinu tgħidlu mur l’hemm imbagħad xi ħadd igħinek, x’ġid tkun qed tagħmel? Jiġifieri it-tieni aspett tal-verġinita konsagrata hija propju li l-imħabba tkun fattwali, l-imħabba tkun tidher, l-imħabba tkun tinħass, l-imħabba tinħass minn dawk li aħna niġu f’kuntatt magħhom. Alla ħares ikun hemm xi ħadd li hu kkonsagrat għall-imħabba, u din l-imħabba ma tidhirx eżatt kif tkun.
U t-tielet lezzjoni li kellna llum, fil-Vanġelu tal-lum, kellna kif tafu lil Pietru u darbtejn ikellem lil Sidna Ġesu Kristu; l-ewwel darba jitkellem hu imma spirat mill-Missier; it-tieni darba jitkellem hu jerġa, imma din id-darba mhux ispirat minn Alla l-Missier. U din hija t-tielet ħaġa li l-Knisja tistenna minnkom. Jekk intom deħlin għal għerusija ma’ Sidna Ġesu Kristu mela l-kliem tagħkom irid ikun bħal ta’ Pietru fl’ewwel dikjarazzjoni li għamel, mhux fuq tat-tieni, biex kemm jista’ jkun il-kelma tagħkom tkun verament imnebbħa minn Alla l-Imbierek u għalhekk issiru għarajjes tal-Mulej għaliex issa l-Mulej se jkun qiegħed magħkom biex jagħtikom propju l-imħabba tiegħu. Li tagħti ħajtek meta tkun għadek żgħir, mhiex faċli, trid titlob sejha t’Alla u qawwa t’Alla.
U nixtieq nirringrazzjakom, f’isem il-Knisja, għaliex intom illum se titgħarrsu mal-Knisja, biex taqdu lil Knisja, lil Alla permezz tal-Knisja. U allura araw ftit li l-qadi tagħkom ikun bħal dak ta’ Sidna Ġesu Kristu, qadi mimli imħabba, qadi li hu verament immirat biex jagħti glorja lil Alla l-Missier. Jalla, u dan hu li nixtieqilkom, jalla jum wara l-ieħor tkomplu tikbru f’din l’imħabba t’Alla biex hekk il-vojt li se tħallu – għaliex meta aħna ngħidu li se nitgħarrsu ma’ xi ħadd, trid tħalli vojt – il-vojt li se tħallu warajkom, għax issa għandkom għarus ieħor dan l-għarus ġdid li hu Kristu, irid jimtela bih. Imma tridu tiżvujtaw lilkom infuskom. Il-ħidma ta’ persuna li hija kkonsagrata lil Alla mhi xejn ħlief li tiżvojta lilha nfisha U r-raġuni ovvja għaliex l-imħabba li se tħobbu biha issa mihiex imħabba umana, hija imħabba ta’ Alla l-Missier li huwa don u allura li għandu bżonn biss li jkun hemm il-vojt biex Hu jkun jista’ jimlih.
U dan hu li aħna llum qegħdin nixtiequlkom ilkoll. Nirringrazzjawkom għaliex f’isem il-Knisja għamiltu l-offerta tagħkom u nixtiequlkom li din il-konsagrazzjoni tagħkom illum tissarraf fi qdusija tagħkom personali, fi qdusija tagħkom meta tiltaqgħu bħala komunita, kif ukoll fi qdusija ta’ dawk il-persuni li intom tiltaqgħu magħhom.