Konkatidral ta’ San Ġwann

6 ta’ April 2013

Onorevoli Prim Ministru u Sinjura Muscat,

Sidna Ġesù Kristu wiegħed il-paċi lil dawk li kienu madwaru, wegħedhom l-Ispirtu s-Santu u ma qallhom xejn iktar għaliex huma kienu diġa għaddew tlett snin, nistgħu ngħidulhom ta’ apprentistat, miegħu jitgħallmu minn għandu. Dik kienet il-paċi li jimxu fuq dak li qalilhom. Kien hemm bżonn li jibgħat l-Ispirtu s-Santu għaliex kif naqraw fil-Vanġelu, l-appostli xorta kienu qegħdin jiddubitaw u xorta kienu mbeżżgħin. Mela li għamel l-Ispirtu s-Santu fl-appostli kien għinhom iwettqu dak li Ġesù kien għallimhom tul it-tlett snin tal-missjoni tiegħu. Issa wasal il-ħin tagħhom biex huma ma jibqgħux dipendenti fuq Ġesù imma jkunu huma li jwettqu dak li kien għallimhom Ġesù.

Meta jiena kont naf li se nagħmel din il-quddiesa, għidt f’qalbi, veru li huwa Parlament, imma Parlament huwa magħmul minn persuni li lkoll għandhom is-sehem tagħhom x’jagħtu. Il-poplu għażilkom biex intom tkunu tistgħu tmexxu lilna l-poplu Malti. U l-mistoqsija li għamilt kienet din: Sidna Ġesù Kristu meta għażel lil Pietru x’għallmu, kif xtaqu jkun? X’fittex fih? U jien xtaqt li naqsam magħkom xi ħsibijiet dwar dak li xtaq Ġesù minn San Pietru.

Proċess ta’ Kobor

L-ewwel ħaġa li Sidna Ġesù Kristu għamel kien li għażel lil San Pietru. Ma nafx jekk tiftakrux li f’dak il-ħin Pietru qallu: ‘jiena midneb, tbiegħed minni’. U Ġesù minflok jitbiegħed minnu, jagħżlu biex hu jkun imexxi l-Knisja tiegħu. U kif interpretajt din il-ħaġa ta’ Ġesù: ‘Pietru, jekk int qed taċċetta li inti tista’ tikber, li int m’intix perfett, jiena nista’ naħdem fik’. U dan huwa l-ewwel ħsieb li xtaqt naqsam magħkom. Il-Parlament ikun skola ta’ tagħlim għall-membri kollha tiegħu li jitgħallmu minn xulxin u mit-tnebbiħiet li jagħtihom il-Mulej. Jien niftakar, qed nitkellem bħala Isqof, għall-bidu li sirt b’idejat ċarissimi; jgħaddi ż-żmien titgħallem minn għand dak, titgħallem minn għand l-ieħor, jikkoreġik xi ħadd u fl-aħħar mill-aħħar tinduna li int qiegħed fi proċes sakemm hu sabiħ li jkollna l-Parlament tagħna fil-proċess ta’ kobor.

L-Imħabba tegħleb it-tfixkil

It-tieni ħaġa li Sidna Ġesù Kristu ippretenda minn għand San Pietru kienet l-imħabba. Propju wara li qam mill-mewt qallu: ‘Pietru tħobbni int iktar minn dawn’? Iktar minn dawn, jiġifieri mill-appostli l-oħra! Din hi it-tieni ħaġa li talab Sidna Ġesù Kristu minn San Pietru ma kinitx imħabba komuni. Mhux qed nipprova nidħol fl-aspett spiritwali, imma Ġesù qiegħed jippretendi li min qed imexxi għandu bżonn doża ikbar ta’ mħabba milli dawk li jiġu mmexxijin għax se jkollu jaffaċċja lil kulħadd. Kultant ikollu jgħaddi minn mumenti diffiċli imma ma jitfixkilx, għax hemm l-imħabba. Naf li aħna meta nitkellmu fuq politika aktar nitkellmu fuq ġustizzja, imma aħna bħala Nsara għaliex m’għandniex ngħidu wkoll li dawk li huma dipendenti minni, jiena nħobbhom? U nħobbhom għaliex huma fdaw lili biex jiena mmexxihom. L-imħabba tegħleb ħafna tfixkil.

Il-Maħfra

It-tielet ħaġa li Sidna Ġesù Kristu qal lil San Pietru kien dwar il-bżonn li naħfru. Kien hemm xi ħadd u staqsa lil Ġesù dwar il-maħfra, u qabeż Pietru u qallu: ‘Mulej, imma kemm il-darba rridu naħfru aħna, sa seba’ darbiet?’ Pietru diġa ħaseb li kien ħafna li taħfer sa seba’ darbiet. U Ġesù jkompli jżid id-doża u jgħidlu: ‘sa’ seba darbiet għal sebgħin darba’. Xi tfisser? Interpretazzjoni tiegħi: tfisser li fil-mument li inti ma taħfirx mhux se tkun liberu biex tagħmel dak li hu tajjeb, għax il-mixja tiegħek ma tibqax aktar mixja, fil-paċi, fil-liberta`, imma tkun reazzjoni għal dak li rċivejt. U allura tista’ tfixklek. Il-Knisja ma tistax ma tipprietkax il-maħfra, għax il-maħfra mhux qiegħda hemm għal min ġie maħfur biss; imam l-maħfra isservi wkoll lil min jaħfer biex jerġa jsib il-paċi u jimxi propju kif rajna fil-Vanġelu tal-lum .

It-Tbatija

Nidhlu aktar fil-Vanġelu. Dawn huma episodji sbieh fil-Vanġeli li tafuhom kollha. Darba Ġesù Kristu staqsihom min jaħsbu li hu. U qabeż Pietru, għax kien l-ewwel wieħed li jitkellem, u qallu: ‘Inti l-Iben t’Alla’. U ħassu kburi Pietru meta qallu ‘l-Iben t’Alla’, għaliex Kristu qallu: ‘dan il- kliem tiegħu kien ġej minn għand il-Missier’. Ġesù ftit wara, biex ipoġġilhom riġlejhom ma’ l-art qalilhom: ‘lili għad tarawni msallab’. U dak il-ħin Pietru m’ aċċettax din l-istqarrija ta’ Ġesù, qallu: ‘qatt ma jkun’. Imma Ġesù jgħidlu: jekk ma taċċettax din il-ħaġa lanqas ma taċċetta l-fatt li jiena l-Iben t’Alla’. Xi tfisser din il-kelma? Jekk inti ma taċċettax li fil-mixja tiegħek biex tagħmel il-ġid se tbati, diġa tfixkilt. In-Nisrani – jiena u intom – irridu nidħlu bil-moħħ tagħna b’mod li nkunu lesti ukoll li nbatu għat-tajjeb, għax inkella ma jsirx it-tajjeb. Jalla ma jkunx hemm ħafna tbatija, imma xi tbatijabilfors li jkun hemm biex tegħleb dak li jista’ jfifklek.

Taħsel riġlejn l-oħrajn

U l-aħħar ħaġa tiftakruha għax għexniha ftit tal-ġranet ilu. Kien hemm Sidna Ġesù Kristu li kien qed jaħsel riġlejn l-appostli. U kien hemm Pietru u qallu: ‘ma taħsilliex riġlejja, ma nħalliekx. Kif, Alla, l-Iben t’Alla, dan il-profeta, dan l-għalliem jaħsel riġlejn bniedem sempliċi? ‘Ma naċċettax!’ Qallu Ġesù: ‘qed nagħmel hekk biex intom tagħmlu bħali’. Kif nifhem din l-istorja jien, hemmhekk kellek Alla li qed jagħti dinjita` enormi lil appostli tiegħu, dinjita` enormi! Alla jaħsel ir-riġlejn. Dinjita` enormi! Jiġifieri l-veru tagħlima ma kienetx madwar Ġesù li qed jaħsel ir-riġlejn imma kienet madwar dawk li kienu qegħdin jinħaslulhom riġlejhom għax Ġesù għallem lil Pietru: int se jkollok tirrispetta u tara d-dinjita` ta’ kull bniedem li jiġi quddiemek, mhux il-massa. Ġesù ma tantx kienet tinterasah il-massa, imam l-persuni li hemm fil-massa. Allura din hi l-aħħar kelma li qal lil Pietru: int f’ismi trid tirrispetta lil kull persuna li tiġi quddiemek.

Hekk ħuti, dan li xtaqt naqsam magħkom. Nixtieq nifirħilkom għal fiduċja li takom il-poplu Malti u nixtieq nawguralkom u nitlob għalikom biex il-pajjiż tagħna jkun jista’ dejjem aktar jimxi l-quddiem.

✠ Pawlu Cremona O.P.

Arċisqof ta’ Malta

Ritratt: DOI – Pierre Sammut