Sorijiet ta’ St Ursola, Valletta
14 ta’ April 2013
Ħuti, fil-Vanġelu tal-lum (Ġw 21, 1-19) rajna t-tieni sejħa ta’ San Pietru; l-ewwel sejħa kienet meta Ġesù kien għadu fil-bidu u mar ifittex l-ewwel dixxipli tiegħu li xi wħud minnhom kienu dixxipli ta’ Ġwanni l-Battista. San Pietru kellu t-tieni sejħa li kellu wkoll jwieġeb għaliha. Smajtu fl-għeluq tal-Vanġelu tal-lum Ġesù jerġa jgħidlu: “Ejja warajja”. Dak li qegħdin niċċelebraw illum, l-50 anniversarju tal-professjoni ta’ Sr Paola, jixxiebah.
Meta aħna konna żgħar, kellna l-ewwel sejħa fil-Magħmudija biex nimxu wara l-Mulej u dik is-sejħa ġiet imbagħad imwieżna meta fil-Griżma ta’ l-Isqof ikkonfermajna li rridu nimxu wara l-Mulej. Imma wara ċertu żmien il-Mulej jagħżel xi wħud minna biex nkunu nistgħu nimxu warajh iktar mill-qrib, iktar b’mod totali. Il-professjoni ta’ Sr Paola nistgħu inqisuha bħala t-tweġiba tagħha għal din is-sejħa, it-tieni waħda f’ħajjitha, bħal ta’ San Pietru, meta hi rrispondiet għall-kliem ta’ Ġesù ġewwa qalbha: “Ejja warajja”. U hi aċċettat u llum qegħdin nagħmlu l-50 anniversarju; mhux biss, qegħdin nagħmlu 50 sena ta’ professjoni tal-ħajja kontemplattiva ta’ Sr Paola.
Nistgħu nagħmlu paragun mat-tieni sejħa ta’ San Pietru biex nifhmu aħjar x’inhi t-tweġiba għas-sejħa tal-ħajja reliġjuża kontemplattiva.
L-ewwel ħaġa li Sidna Ġesù Kristu talab lid-dixxipli tiegħu hija li jmorru warajh u biex imorru warajh huma kellhom iħallu d-dgħajjes u x-xbiek tagħhom. X’ġara? Meta lill-Mulej Ġesù rawh imsallab, marru lura għax-xogħol taghħom biex ikunu jistgħu jerġgħu jaqilgħu l-għixien tagħhom propju mis-sajd. Għalhekk qegħdin nerġgħu narawhom fejn Tiberija, reġgħu marru lura għaliex il-fidi tagħhom f’Ġesù battiet ħafna.
Tafu li tul dan iż-żmien tal-Għid aħna qegħdin nisimgħu dak kollu li Sidna Ġesù Kristu bil-paċenzja kollha għamel biex dawn l-appostli jikkonvinċihom li verament qam. Kien qalilhom kemm il-darba li kellu jqum wara l-mewt imma ħadd minnhom m’emmen. Allura bil-paċenzja kollha għaddihom minn dawn l-esperjenzi ħalli huma jitgħallmu verament li Sidna Ġesù Kristu qam. U allura meta Ġesù rega’ rahom qegħdin ħdejn il-baħar biex huma jaqilgħu ħobżhom permezz tas-sajd, Sidna Ġesù Kristu kellu jgħid lil S Pietru għat-tieni darba: “ejja warajja” S Pietru kellu jerġa jħalli x-xbieki, iħalli d-dgħajjes warajh biex imur wara l-Mulej Ġesù għax issa għadda mill-istess esperjenza li kellu fil-bidu. Issa beda jagħraf li l-Mulej huwa ħaj mela jista’ jmur warajh.
Ma’ Sr Paola Ġesù għamel l-istess, qalilha: ‘Sr Paola, inti lesta li tħalli kollox warajk biex tiġi warajja?’. Immaġinaw ħuti, xebba, u jista jkun ġuvni, għadu żgħir, ikun lest li jneħħi kollox, iħalli kollox warajh: familja u jekk ikun hemm ġid, u ħbieb tal-familja, biex jimxi wara l-Mulej Ġesù. Mela l-mixja tibda propju meta wieħed jisma’ l-kelma ‘ejja warajja’, imbagħad jrid tkun lest li biex jimxi warajh, iħalli kollox, ħalli mbagħad jibnilek ħajja differenti Ġesù Kristu.
Smajna ‘l Mulej lil San Pietru jistaqsih għal tlett darbiet u jgħidlu: “Pietru, inti tħobbni iktar min dawn?” Qallu: “Mulej, inti taf li nħobbok”. Reġa staqsih u Pietru reġa stqarr: “Inti taf li nħobbok”. U reġa’ staqsih għat-tielet darba u qallu: “Mulej, int taf kollox, idħol ġewwa l-qalb tiegħi u tagħraf li jien inħobbok. Għax qabel kont ngħid li jien inħobbok imma meta wasal il-mument jiena wkoll ċħadtek tlett darbiet”. U Ġesù qed jagħtih iċ-ċans biex għal tlett darbiet jerġa jistqar lil Ġesù li issa verament jħobbu. Ftakru li issa kien Pietru wara li beka d-dnub tiegħu, Pietru mibdul, Pietru li issa verament kien iħobb ‘l Alla.
Meta l-Mulej Ġesù jsejjah lil xi ħadd biex jgħix il-ħajja reliġjuża il-mistoqsija li jagħmillu hi: ‘trid tħobbni iktar minn dawn?’ Mhux għaliex l-oħrajn ma jħobbuhx, imma għaliex tkun weġibt għas-sejħa li tħobb li Ġesù fuq kollox u fuq kulħadd.
Għalhekk nifhmu x’inhuma l-voti li għamlet Sr Paola biex tħobb lil Mulej Ġesù. Il-voti m’ huma xejn – ippruvaw ifhmuha din – il-voti m’huma xejn ħlief vojt madwarna li aħna nagħmlu biex il-Mulej jimla dak il-vojt.
Per eżempju għandna l-vot tal-kastità. Fil-każ ta’ ħafna nsara, b’mod speċjali ta’ dawk li huma miżżewġin, l-imħabba tagħhom lejn il-Mulej tgħaddi mill-persuna li huma żżewġu. Għax hekk hu s-sagrament taż-żwieġ u dik hija l-ħajja tagħhom. Imma fil-ħajja tar-reliġjuża m’għandhiex persuna oħra li sservi ta’ mezz biex tħobb ‘l Alla, imma l-imħabba tagħha hija diretta lejn Alla l-Imbierek, lejn Sidna Ġesù Kristu.
Ir-Reliġjuża tagħmel ukoll il-vot tal-faqar; għaliex bħalma nafu l-affarijiet ta’ din id-dinja ħafna drabi huma aljenazzjonijiet, mhux ħżiena, imma huma aljenazzjonijiet. Għalekk it-tieni vot li hija għamlet dak iż-żmien kien dan: ‘Mulej mhux se nħalli xejn bejni u bejnek lanqas l-affarijiet materjali’. Għalehkk tidħol f’komunit` fejn l-uffiċċji tal-komunità jiġu mqassmin bejn is-sorijiet kollha, u kulħadd ikollu ftit minn dak li għandha l-komunità, mingħajr ma jintrabat ma’ ħaġa waħda biss.
Sr Paola għamlet ukoll il-vot tal-ubbidjenza u dan ifisser li qalet: ‘Mulej, jiena nixtieq li kull ma nagħmel ma jkunx ġej minni, imma kull ma nagħmel nagħmlu b’ubbidjenza lejk’. U ovvjament meta tidħol f’komunita ta’ sorijiet ikun hemm is-superjura, u allura l-ubbidjenza t’Alla issir kemmxejn iktar diffiċli, għax issa tgħaddi minn idejn persuna, bniedma li hija wkoll fallibbli, kapaċi tagħmel l-iżbalji imma la darba tkun wegħedt l-ubbidjenza, inti tagħmel dak li ta’ fuqek ikunu qegħdin jgħidulek.
Hemm l-aħħar vot, biex ngħidulu hekk, li għamlet Sr Paola meta hija daħlet f’ħajja kontemplattiva jew kif ngħidulha l-klawsura. Differenza m’hemm xejn bejniethom. Klawsura tfisser li hija xi ħaġa magħluqa allura huma jidħlu f’dan il-monasteru u jibqgħu hawn. Kontemplattiva tfisser li huma mhux għal xejn iħallu kollox imma biex il-ħajja tagħhom timtela bil-kontemplazzjoni tal-Mulej. Għandhom l-ispazju biex huma jikkontemplaw iktar lill-Mulej. U l-istess il-klawsura, ħuti, mhijiex xi ħaġa importanti fiha nfisha. Tafu x’inhi l-klawsura? Li l-Mulej tħallilu l-vojt kollu madwarek – in-nies tad-dinja, anke jien issa bħala Isqof irrid naħseb fl-affarijiet li hemm barra – imma li huma jħallulu l-vojt lil-Mulej biex ikun jista’ jimlih bl-imħabba tiegħu. Il-voti u l-ħajja kontemplattiva huma biss vojt imbagħad il-grazzja t’Alla timlih bl-imħabba tiegħu fil-qalb ta’ kull waħda li tidħol hawnhekk.
Inkomplu bil-kliem ta’ Sidna Ġesù Kristu meta fl-aħħar tas-silta li smajna qal lil S. Pietru: ‘Meta tikber ħaddieħor iħażżmek’. Tifhmu x’kienet tfisser għal S Pietru. Għax hu kien moħħu dejjem biex jimxi skont Kif irid hu. Jekk Sidna Ġesù Kristu semma t-tbatija, Pietru ma ridtx jaċċetta t-tbatija, dejjem moħħu mhux li jrid l-Mulej Ġesù. Meta Ġesù ried jaħslilhom riġlejhom, Pietru ma ridtx: ‘Le, Mulej mhux int taħsilli riġlejja, ma tarax!’ S. Pietru meta ġew biex jaqbdu lil Mulej Ġesù fil-ġnien tal-Ġetsemani qabad is-sejf u attakka lil wieħed minn dawk li kien hemm. Pietru dejjem ried jagħmel dak li jrid hu mhux jiġi mmexxi minn Sidna Ġesù Kristu. U allura S. Pietru f’dan il-mument wera lilu nnifsu, u kien jaf li Sidna Ġesù Kristu se jħallih imexxilu ħajtu.
L-aħħar ħaġa, biex nibqgħu fuq il-Vanġelu li smajna llum, rajna l-ħlewwa ta’ Sidna Ġesù Kristu. Qed jipprova jikkonvinċihom lid-dixxipli li hu verament dak li kien qabel flimkien magħhom, u allura illum rajnih l-ewwel jipprepara l-ħatab, jipprepara n-nar, ikollu biċċa ħobż u jerġa jimmultiplika l-ħut, din id-darba, għaliex marru jistadu. Dan biex hu jerġa’ jfakkarhom. Tiftakru f’kapitlu 6 ta’ San Ġwann x’kien għamel Ġesù meta kattar il-ħobż u l-ħut u tahom biex jieklu minnu? F’moħħom reġa ġie dak l-episodju għaliex dak il-kapitlu 6 jispiċċa b’Ġesù jispjegalhom li dak li għamel dak il-ħin, li huwa l-ħobż veru, dak se jkun hu: se jieklu l-Ġisem tiegħu u jixorbu d-Demm tiegħu. Jiena nemmen li meta l-appostli raw dak li diġa kienu għexu qabel, huma fehmu li Ġesù kien qed jerġa jfakkarhomn fl-Ewkaristija, dak li għamel fl-aħħar ċena meta qasam il-ħobż u tahulhom.
Il-ħajja reliġjuża, il-ħajja nisranija, iddur madwar l-Ewkaristija. Hija l-preżenza ħajja ta’ Ġesù li tagħtik il-qawwa li inti tkompli tgħix dak li ipprofessajt. Dan hu li jzommok fil-ħajja kontemplattiva tgħix u tikber fil-Mulej.
Nawguralek, Sr Paola, li tkompli din il-ħidma tiegħek. Mhux importanti s-saħħa li jkollna, importanti hija r-rieda tiegħek fid-dawl tal-voti li int għamilt. Jalla l-Mulej jagħtik ħafna aktar snin biex tkompli taqdih.
✠ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta