Katidral, l-Imdina
28 ta’ April 2013
Ħuti, biex aħna nkunu nistgħu ngħixu l-ħajja nisranija, għandna bżonn f’kull stadju l-għajnuna tal-grazzja t’Alla. U għalhekk il-Mulej permezz tal-Knisja tana s-sebgħa sagramenti; dawn mhuma xejn ħlief grazzja li l-Mulej jagħtina, per eżempju meta aħna nitwieldu, bil-Magħmudija jkollna grazzja li aħna ngħixu ta’ wlied Alla, u hekk jiġri permezz tas-sagramenti l-oħra.
Meta Alla l-Imbierek ġie biex iwaqqaf il-Knisja tiegħu permezz ta’ Ibnu Ġesù, kien jaf li kull ġemgħa tal-bnedmin għandha bżonn min imexxiha, għandha bżonn min jimliha bil-kuraġġ, għandha bżonn min jgħallimha. U allura Alla l-Imbierek tana s-sagrament ta’ l-Ordni Sagri. Is-sagrament tal-Ordni Sagri mhu xejn ħlief li dawk li jiġu magħżulin biex imexxu l-Knisja tingħatalhom grazzja speċjali biex ikunu jistgħu iwettqu din il-ħidma, din il-missjoni.
U aħna llum se naraw d-djakonat. Fis-Sagrament ta’ l-Ordni Sagri hemm tlett stadji differenti. Għandna l-istadju li aħna se nattendu għalih llum, l-istadju ta’ meta wieħed isir djaknu. Fi ftit kliem minbarra li huwa se jirċievi l-grazzja ta’ djaknu, huwa se jibda jipprietka l-kelma, huwa se jibda jagħti l-Ewkaristija, ikun kapaċi anke jieħu sehem u ikun ix-xhud tal-Knisja f’tieġ.
Imbagħad it-tieni stadju huwa meta wieħed jilħaq saċerdot, dak li ngħidulu presbiteru jiġifieri jaqdi d-dmirjiet tiegħu fis-saċerdożju ministerjali u allura jkun jqarar, ikun jista jiċċelebra l-quddiesa.
Imbagħad fit-tielet stadju , li aħna ngħidu li għandu l-milja tal-grazzja tal-ordinazzjoni, huwa l-Isqof, għaliex l-Isqof jingħata l-qawwa li hu jkun jista’ jagħti s-sagramenti kollha inkluża l-ordinazzjoni, inkluża l-Griżma tal-Isqof. Mela llum se niċċelebraw l-għoti tal-grazzja tad-djakonat lil Brother Clinton.
It-tlett lezzjonijiet tal-lum għażilhom hu u naraw ftit il-Mulej x’irid jgħidilna illum u xi jrid jgħallem lilna fil-kuntest ta’ dawn il-lezzjonijiet, għaliex aħna rridu ngħixu il-ministeru tagħna fil-kuntest ta’ tliet dimensjonijiet differenti.
L-ewwel lezzjoni, l-Ittra ta’ San Pawl lil Timotju (1 Tim 4, 11-16) fiha jagħtih xi tagħrif ta’ kif jista’ jgħix verament ir-rwol tiegħu, fil-każ ta’ Timotju ta’ isqof , u jgħidlu tliet affarijiet li importanti li aħna lkoll niftakruhom. Jgħidlu lil Timotju: “Tinsa qatt, ftakar fil-grazzja li ġiet mogħtija lilek … bit-tqegħid tal-idejn tal-presbiteri fuqek”. Kull grazzja li se tiġi wara, se toħroġ minn din il-grazzja li l-Mulej qiegħed jagħtik biex tidħol f’dan is-sagrament tal-Ordni Sagri.
L-ewwel dimensjoni hija d-dimensjoni personali li hija dimensjoni li permezz tal-grazzja li tirċievi, inti tagħti l-grazzji lill-oħrajn. Il-Mulej qiegħed jagħtik il-grazzja li tippurifika lilek innifsek ħalli mhux biss tagħti dak li hemm miktub fil-ħidmiet tiegħek, imma tagħtihom il-grazzja personalment, min ikun qed jirċevi l-grazzja iħoss ġewwa fih il-konvinzjoni tiegħek.
Għalekk San. Pawl li qed ikellem lil Timotju jgħidlu: “Kun inti stess ta’ eżempju”. Kemm hi sabiħa li mhux biss jaraw mogħtija lilhom il-grazzja imma bħalma ġara meta l-Mulej kien jagħti grazzja, min jirċeviha kien jħoss li din il-grazzja ħierġa mill-Mulej. Hekk, permezz tiegħek, dawk li jemmnu li l-Mulej jagħti l-grazzja, jirċevuha permezz tiegħek mingħand Sidna Ġesù Kristu, u din l-istess grazzja tibdlek biex inti tkun tirrifletti lil Sidna Ġesù Kristu.
Ovvjament, la darba se nitkellmu fuq xi ħaġa pożittiva, bilfors irridu nitkellmu fuq xi ħaġa negattiva għaliex din id-dinja hekk hi. U Għalhekk San Pawl jgħidlek: “Għasses fuqek innifsek”, għasses fuq dak li int tagħmel u tgħallem lil ħaddieħor. Dak li huwa msejjah biex ikun parti mill-Ordni Sagri ma jistax jgħid anqas ħaġa waħda biss mingħajr ma jgħasses fuqu nnifsu għaliex bħalma jgħid S. Pietru: “Ix-xitan qisu ljun
jgħajjat idur u jfittex lil min jibla'” (1 Pt 5, 8) U b’mod speċjali lilna, għax minna joħorġu ħafna grazzji. Importanti għalina li nisimgħu din id-dimensjoni personali li San. Pawl qiegħed jgħidilna.
It-tieni dimensjoni hija li dak li inti se tirċievi bħala grazzja mid-djakonat dak mhux għalik biss, imma trid tgħixu fi ħdan komunità. L-preżenza tiegħek fil-komunita mhux biss li tagħti dawn il-grazzji, imma li flimkien ma’ l-aħwa inti tibni verament komunità kif jixtieqha l-Mulej. Illum fil-Vanġelu rajna ‘l Ġesù x’jixtieq mill-komunità: “Min hemm jagħarfukom li intom dixxipli tiegħi jekk tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien”. U allura trid titlob lill-Mulej li jagħtik – dejjem irridu nitolbu ‘l Mulej biex jagħtina – t-togħma tal-kwalità tal-imħabba tiegħu, għax minn għandu biss tista’ tiġi, biex aħna mbagħad nagħtu s-sehem tagħna flimkien mal-presbiteri biex nkunu nistgħu nibnu din il-komunità ta’ mħabba fejn Kristu jsib lilu nnifsu verament fostna.
It-tielet dimensjoni li kellna fil-lezzjonijiettal-lum hi meħuda mill-ewwel lezzjoni (Atti 8, 26-48) u naħseb li hija tgħodd ħafna għalik li inti dħalt f’kariżma missjunarja. Fil-bidu għażlu sebgħa djakni, illum rajna lil Filippu, wieħed minnhom. Allavolja ġew magħżulin biex jaqdu fl-imwejjed huma kienu diġa, Stiefnu u hu, qegħdin iwasslu l-kelma. Filippu jwassalha lil wieħed Etjopu. Din hi d-dimensjoni missjunarja li l-Mulej jagħtina waqt l-ordinazzjoni tagħna biex aħna nwasslu l-kelma t’Alla wkoll lil dawk li qed jistennew lil xi ħadd biex jurihom il-qawwa t’Alla, biex aħna nagħtuhom il-kelma u jibdew jistaqsuna: imma intom x’għandkom ġewwa fikom? Fhiex temmnu? X’temmnu li hemm ġewwa fikom? Aħna mbagħad inkunu nistgħu nagħtuhom bl-imħabba kollha il-kelma t’Alla, li ser tingħatalek illum. Din il-kelma rridu nwassluha wkoll f’dimensjoni missjunarja.
Jiena nagħlaq hawn, għażiż Clinton. Illum hija okkażjoni għalina l-presbiteri kollha u għalija bħala Isqof, li terġa’ tfakkarna f’dak li aħna rċevejna meta l-ewwel sirna djakni. Jalla l-Mulej permezz tiegħek illum iqaddes lil kull wieħed minna ħalli naqdu sew il-missjoni tagħna.
✠ Pawlu Cremona O.P.
Arċisqof ta’ Malta