-
-
L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Il-Knisja tal-Immakulata Kunċiżżjoni, il-Ħamrun
8 ta’ Diċembru 2018“Għannu lill-Mulej għanja ġdida għax għamel l-għeġubijiet” (Salm 97:1) Illum qegħdin niċċelebraw b’solennità kbira li tikkonferma l-kliem tas-Salm 97. Aħna llum nieqfu u b’għaġeb kbir infaħħru lill-Mulej u nadurawh fil-misteru kbir tal-ħniena tiegħu. Biex nissellfu l-kliem ta’ Marija li jasal lilna permezz tal-Evanġelju skont San Luqa: “Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien” (Lq 1:50)
U jekk hemm miraklu tal-qawwa tal-omnipotenza ta’ Alla, hija propju l-ħniena tiegħu. Il-Mulej juri l-kobor u l-qawwa tiegħu meta juri l-ħniena tiegħu. Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien b’mod l-iktar qawwi. Għal Alla kollox hu possibbli għax għal Alla m’hemm xejn li ma jistax isir. U la hu seta’ u la kien xieraq, aħna nemmnu u l-fidi tagħna tikkonferma l-istint qawwi tagħna, li lill-omm Ġesù ħejjieha biex tkun għamara xierqa ta’ ibnu billi fit-tnissil tagħha ħarisha minn kull tebgħa tad-dnub. Wera ħniena magħha; wera ħniena speċjali magħha.
Mhux ta’ b’xejn Sidtna Marija stess tgħid: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla is-salvatur tiegħi għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu” (Lq1, 46-47). Imma lil Alla ġustament Marija ssejjaħlu ‘is-salvatur tagħha’. Illum il-Mulej salvaha billi ħarisha minn kull tebgħa tad-dnub. Lilna salvana u jsalvana billi jeħlisna mid-dnub. Din hija l-istess ħniena u l-istess salvazzjoni li hija opra tal-fidwa li ġab Ġesù. Imma l-fidwa ta’ Ġesù, bħall-ħniena ta’ Alla li timla kull żmien u tisboq iż-żmien, Alla applikaha għal ommu stess. Is-salvazzjoni li ġab binha u li biha ħelisna mid-dnub, permezz tal-istess ħniena u permezz tal-istess fidwa, Alla ħeles u ħares lil ommu minn kull tebgħa tad-dnub.
Aħna llum irridu nieqfu biex waqt li niċċelebraw il-50 anniversarji mit-twaqqif ta’ din il-parroċċa “ngħannu lill-Mulej għanja ġdida”. L-għanja tagħna trid tkun għanja mġedda u kontinwament ġdida. Trid tkun għanja lil Alla għax lilu l-glorja u mhux lilna l-bnedmin. Trid tkun għanja li tfaħħru tal-ħniena kbira tiegħu: “Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu, f’għajnejn il-ġnus wera l-ġustizzja tiegħu. Ftakar fi tjubitu u fil-fedeltà tiegħu għal dar Iżrael” (Salm 98, 2-3).
Min jaf kemm-il darba permezz tas-saċerdoti tieghu l-Mulej wera l-ħniena mal-membri ta’ din il-parroċċa għażiża ħniena fis-Sagrament tal-Magħmudija, meta lit-trabi u lill-adulti għeżież tagħna ħelishom mit-tebgħa tad-dnub tan-nisel; ħniena ma’ kull wieħed u waħda minna meta minn idejn is-saċerdoti tagħna rċevejna l-maħfra tad-dnubiet f’ismu u bil-qawwa tiegħu. Min jaf kemm-il darba l-morda tagħna ġew imfarrġin bis-sagrament tad-dilka qaddisa tal-morda. “Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien”.
Iċ-ċelebrazzjoni tal-50 anniversajru tal-parroċċa tagħna hija wkoll it-tifkira u r-ringrazzjament lil Alla ta’ 50 sena ta’ maħfra u ħniena li l-Mulej xerred fostna permezz tal-Knisja tiegħu. F’dawn il-50 sena l-Mulej ma weriex biss magħna ħniena spiritwali ima kien hemm ukoll l-opri tal-ħniena li kienu msieħba mal-opra tal-ħniena l-kbira: dik tat-tagħlim. Min jaf kemm tagħlim tajjeb ħareġ minn dan il-maqdes, min jaf kemm nies imseħbin f’xirkiet u għaqdiet u mixjiet ta’ appostolat u ta’ komunjoni ekkleżjali, ħabbru l-Kelma ta’ Alla. Mexxew fost il-komunità dik ix-xmara qaddisa li tferraħ il-belt ta’ Alla; dik li fejn tasal id-deżert isir art għammiela u l-baħar mielaħ u salmastru jsir ħelu u li s-siġar fuq ix-xtut tagħha din ix-xmara jagħtu frott bnin u l-weraq tagħhom huwa duwa (ara Eżek 47, 8-12). Din hija x-xmara tal-Kelma ta’ Alla, ix-xmara tas-solidarjetà, ix-xmara tal-qadi u tal-eżempju tajjeb.
Ejjew nirringrazzjaw lil Alla tal-vokazzjonjiet li ħarġu minn din il-komunità. L-ewwel vokazzjoni kienet missjunarja u llum nsellmu lil Fr Henry Balzan fiċ-Ċilì li huwa l-ewwel saċerdot minn din il-parroċċa. Ma ninsewx lill-matriċi, il-parroċċa ta’ San Gejtanu. Imma aħna anke f’din is-solidarjetà nixtiequ nfakkru u nirringrazzjaw bħalma nfakkru u nirringrazzjaw għall-preżenza tar-reliġjużi rġiel u nisa li mhux biss iżejnu bil-preżenza u l-profezija tagħhom it-territorju ta’ din il-parroċċa, imma f’din il-parroċċa huma dik il-ħmira li tgħolli l-għaġna tal-Evanġelju. Mhux se nsemmihom b’ismhom biex ma nonqos lil ħadd. U tant lajċi oħra. Kienet minn hawnhekk li l-Mixja Neo-Katekumenali bdiet fi żmien Dun Ġużepp Mifsud Bonnici u nxterdet mad-djoċesi tagħna. Minn hawnhekk f’dawn l-aħħar 50 sena nibtu inizjattivi li huma kbar ħafna u li għandhom ikunu ta’ grazzja u ta’ unur lil din il-parroċċa.
Jiena u nħares lejn l-istatwa grazzjuża tal-Immakulata Kunċizzjoni, li intom bir-raġun tqimu b’tant devozzjoni u bi mħabba, mingħajr ma rrid inħossni miġbud lejn il-ġenna, lejn is-sema pajjiżna għaliex din hija l-vokazzjoni tagħna, ta’ kull wieħed u waħda minna. Aħna magħżulin f’ Ġesù “sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja” biex, kif jgħidilna l-Appostlu Missierna San Pawl: “inkunu qaddisa u bla tebgħa quddiemu fl-imħabba” (Efes 1:4).
Jalla din il-parroċċa tkompli tikber fl-esperjenza tal-imħabba għaliex l-imħabba tagħmilna tassew bla tebgħa. Aħna konna mnissla bid-dnub tan-nisel u fil-Magħmudija l-Mulej ħelisna minn dan il-jasar. Nafu li ħafna drabi bi dnubietna nerġgħu naqgħu lsiera u l-Mulej jeħlisna kull darba li aħna nersqu lejh, jaħfrilna b’faċilità u disponibbilta kbira. Jistenniena nersqu lejh biex nirċievu l-ħniena li hu ma jżomm lil ħadd u għal ħadd. Kemm hi ħaġa sabiħa li fostna nxerrdu u naqsmu din il-ħniena: li Alla xejn mhu impossibbli, li għalih kollox jista’ jkun.
Ejjew ningħaqdu ma’ Sidtna Marija fl-għanja ta’ ringrazzjament u tifħir u nitolbuh li din il-komunità relattivament żagħżugħa tkompli tikber fiż-żgħożija Nisranija; li ma tinsa qatt l-entużjażmu tal-bidu u fiż-żgħażagħ tagħha tkompli tkabbar u tkompli tagħti xhieda ta’ fidi Nisranija sabiħa.
U inti, o Marija, ħares lil din il-parroċċa, ħares lill-kleru ta’ din il-parrroċċa għażiża. Ħares lill-lajċi, lill-familji, liż-żgħażagħ, lill-anzjani, lill-katekisti. Ħares id-diversi espressjonijiet ta’ fidi, lir-reliġjużi tagħna l-patrijiet u s-sorijiet. Fuq kollox ħares lil dawk li tbiegħdu u li forsi qatgħu qalbhom mill-ħniena ta’ Alla jew inkella xi għemil tagħna begħedhom għax skandalizzahom. O Marija, kun int l-omm qaddisa li treġġa’ lura lejn ibnek Ġesù l-membri kollha tal-familja tiegħu. Dan nitolbuhulek b’qawwa għaliex naf li inti bħala omm tindokra lil kulhadd. O Marija, li dħalt fid-dinja mingħajr tebgħa, aqlagħlna l-grazzja li noħorġu minnha mingħajr ħtija.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
-
-
-
-
-
Ritratti: knisja.mt/ritratti