-
-
L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Knisja Parrokkjali Sant’Elena, Birkirkara
8 ta’ Diċembru 2017Għażiż Mons. Prepositu Arċipriet, għażiż Mons. Paul Vella, nixtieq naqsam miegħek ftit ħsibijiet f’dan il-mument għażiż għalik, u jiena persważ ukoll, li inti għażiż għal din il-kolleġġjata għażiża u għal din il-parroċċa.
Qegħdin niċċelebraw solennità kbira: it-tnissil bla tebgħa tal-Verġni Omm Alla Marija. Huwa misteru kbir li fih nistgħu nammiraw u naduraw l-inizjattiva ta’ Alla. Il-Papa Franġisku jħobb juża’ verb bl-Ispanjol li diffiċli tittraducih: primear; il-verb primear ifisser tasal l-ewwel, tantiċipa. Hu jgħidilna: ‘Aħna rridu nkunu hekk’. Meta naraw il-bżonn, meta naraw l-ħtieġa tal-ħniena, fejn naraw il-bżonn li nwasslu kelma li ddawwal il-qalb u l-moħħ, nieħdu l-inizjattiva, nagħmlu aħna l-ewwel pass. Hekk għamel il-Mulej meta “fil-milja taż-żminijiet” (Gal 4, 4) bagħat il-messaġġier tiegħu, l-Arkanġlu Gabrijel, għand tfajla rżina li kien jisimha Marija. Illum infaħħru u nbierku l-iniżjattiva ta’ ħniena tal-Mulej.
Tistenniex min iħabbatlek fuq il-bieb tad-dar tiegħek jew tal-uffiċċju; kun int li tkun proxxmu għal kull min fil-belt Elenjana għandu bżonn tal-preżenza ta’ faraġ tiegħek
U l-ewwel ħsieb tiegħi għalik, għażiż Prepositu Arċipriet, hija li inti u tħares bil-ħarsa intelliġenti, profonda u akuta tiegħek, li aħna lkoll nafu, għax ma jaħrablek xejn, inti u tħares b’dik il-ħarsa, fejn tara l-bżonn, tiftakar fl-inizjattiva ta’ Alla li tatna grazzji kbar, u agħmel l-ewwel pass. Tistenniex min iħabbatlek fuq il-bieb tad-dar tiegħek jew tal-uffiċċju; kun int li tkun proxxmu għal kull min fil-belt Elenjana, Birkirkara, għandu bżonn tal-preżenza ta’ faraġ tiegħek, tal-kelma meqjusa u għarfa tiegħek, tal-id tiegħek tal-ħbiberija: primear.
It-tieni: Illum qegħdin infakkru t-tnissil ta’ din il-ħlejqa, it-tgħannieqa ta’ mħabba ta’ ommha Anna u missierha Ġwakkin, mhux biss l-intervent tal-Mulej u l-inizzjattiva tiegħu, imma l-intervent redentiv feddej ta’ Binha. Illum niċċelebraw il-qawwa straordinarja tas-salib ta’ Ġesù għax is-salib ta’ Ġesù, il-misteru tal-fidwa li aħna niċċelebraw f’kull Ewkaristija, kellu l-qawwa li mhux biss jeħles lilna mid-dnub, imma kellu l-qawwa wkoll iħares lill-ommu minn kull tebgħa ta’ dnub. Hija l-unika fidwa, fidwa waħda, feddej wieħed, misteru uniku tas-Salib Imqaddes. Lilna ħelisna, lil ommu ħarisha. L-istess fidwa li tieħu żewġ modi u fil-każ tal-omm, ta’ Marija, tieħu sura partikolari, privileġġjata, eċċezzjonali, imma Marija hija mħarsa u aħna nemmnu fiha bħala mħarsa mid-dnub bil-qawwa feddejja tas-salib li għalkemm huwa mument fiż-żmien, jisboq iż-żmien.
U inti, bħala Prepositu Arċipriet ta’ din il-bażilika, per insigni proto colleggiata ta’ din il-parroċċa kbira u għażiża, ma tistax ma tħabbarx bil-kelma tiegħek imma fuq kollox bl-eżempju tiegħek, il-qawwa tas-Salib Imqaddes. Wara kollox, Elena tagħmel hekk bil-preżenza u bil-patroċinju tagħha. Il-qawwa tas-salib inti turih, għażiż Prepositu Arċipriet, kull meta inti ddewwi l-ġrieħi fil-qrar, iddawwal il-qlub meta tagħti parir skont it-tagħlim tal-Knisja, meta twissi u tgħallem, meta ddur it-toroq ta’ Birkirkara u tixhed li inti ta’ Ġesù, li inti, kif qallek il-maħbub u mibki Arċisqof Ġużeppi Mercieca fl-ordinazzjoni tiegħek: ‘Ilqa’ l-offerta tal-poplu qaddis ta’ Alla, fassal ħajtek fuq dak li għandek f’idejk, fl-offerta tal-poplu ta’ Alla, agħmel li ħajtek tkun tixbah il-misteru tas-salib tal-Mulej’. Dan il-kliem illum, wara snin taħdem f’diversi oqsma tad-djoċesi u tistudja Ruma, illum inti msejjaħ biex tgħixu hawnhekk f’Birkirkara.
Għażiż Mons. Vella, Birkirkara tkun il-glorja tiegħek jekk inti tħaddan is-salib tal-Mulej u terfgħu mhux biss bi spirtu ta’ rassenjazzjoni qaddisa, imma bil-ferħ. Wara kollox, inti u timmedita u tħares lejn l-immaġini għażiża ta’ Sant’Elena, kif se ssibha? Mhux tħaddan is-salib tal-Mulej?! Ħares lejha u ftakar li din hija l-missjoni tiegħek, il-missjoni li tagħti kuraġġ lill-poplu Nisrani ma jibżax mit-telgħa tas-salib. Għax hemmhekk biss hemm il-glorja, għax aħna m’aħna ta’ ħadd ħlief ta’ dak li qal: “Min irid jimxi warajja, jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu kuljum u jimxi warajja” (Mt 16, 24).
Ħabbat fuq il-bieb tal-qalb tal-Karkariżi u għidilhom li Santa Liena mhux f’Awwissu biss imma kull nhar ta’ Ħadd tistedinhom jifirħu magħha fil-Quddiesa.
Għażiż Fr Paul, ġo Nazaret il-Mulej sab xebba rżina, xebba umli, xebba intelliġenti u konkreta. “Kif ikun dan la ma nagħrafx raġel?” (Lq 1, 34). Hi fehmet li l-proposta tal-Mulej li fiha jitnissel l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, kienet se tikkomplikalha ħajjtiha, u mhux ftit. Fehmet li setgħet taqa’ taħt id-dell tal-malafama għaliex hi nisslet fil-ġuf tagħha bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu dak li iva, huwa d-dawl tal-ġnus imma huma sinjal li jmeruh. Imma l-kelma tagħha hija skola għalina. “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej, ikun minni skont kelmtek.” Qalet: ‘Naf, jew qed nifhem għal liema kumplikazzjoni, f’liema basla se ddaħħalni, imma jiena O Mulej, ngħidlek ‘iva’ għax jiena qrajt il-profeti u nixxennaq mal-poplu ta’ Iżrael għall-Feddej u inti qed tgħidli li se jitwieled minni, tkun magħmula r-rieda tiegħek, tkun magħmula l-kelma tiegħek mhux biss fil-ġuf tiegħi imma f’ħajti’ (ara v. 38).
U dan il-kliem ta’ Marija jrid ikun ukoll ta’ eżempju għalina, għalik ukoll għażiż Dun Paul Carmel. Inti li, minn dejjem u b’ferħ kbir iġġor l-isem ta’ Sidtna Marija tal-Karmelu, ftakar li inti taħt il-ħarsien speċjalissimu ta’ Marija li qed tistiednek ma tibżax bħalma hi ma beżgħetx, qed tistiednek tkun doċli bħalma hi kienet doċli; qed tistiednek ikollok ħajja ta’ safa għax imsaffi bil-ħniena ta’ Alla; qed tistiednek tkun sinjal ta’ ubbidjenza ferħana, ta’ lealtà mimlija żelu. Ħabbat fuq il-bieb tal-Karkariżi u stedinhom biex jirritornaw lejn il-mejda tal-Kelma u tal-Ewkaristija. Ħabbat fuq il-bieb tal-qalb tal-Karkariżi u għidilhom li Santa Liena mhux f’Awwissu biss imma kull nhar ta’ Ħadd tistedinhom jifirħu magħha fil-Quddiesa. Ħabbat fuq il-qalb tal-poplu Karkariż, fakkru fil-patrimonju spiritwali tiegħu, fil-patrimonju kulturali tiegħu u ġiegħlu jkun mhux biss ferħan imma kburi li huwa għażel, flimkien ma’ Elena, li jħaddan il-misteru qawwi tas-salib.
Jiena nawguralek ministeru fekond, nitlob lill-poplu li inti issa afdat lejh u hu afdat fik, biex tgħinu lil xulxin, biex flimkien tkunu xhieda sabiħa tal-ħajja Nisranija. Nirringrazzjak talli b’mod kommoss wegħedt l-ubbidjenza lili u lis-suċċessuri tiegħi. M’hemmx Kristu mingħajr il-Knisja u m’hemmx il-Knisja mingħajr l-Isqof, ikun min ikun, ikun sabiħ jew ikrah, ikun min ikun. Imma fl-istess ħin aħna qegħdin biex inkunu qaddejja wieħed lil ieħor għax aħna naqdu mgħallem wieħed, sid wieħed, Mulej wieħed: dak li ħabbhom sal-aħħar li neża’ l-mantar u għadda jaħsel is-saqajn u li lilna qalilna “agħmlu dan b’tifkira tiegħi” (1 Kor 11, 24).
Jalla Sidtna Marija Immakulata tgħinek fil-ministeru tiegħek, tqawwik, tbierkek, tagħtik għerf u dehen u qdusija Mater mea fiducia mea. Agħmel li ommok Marija, li żgur qiegħda twieżen lill-ġenituri tiegħek fil-ġenna, illum tkun dik il-kewkba li tagħtik direzzjoni, tagħtik faraġ u tagħtik wens. Kun imbierek u itlob għalija.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta